+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura preskritta f'Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ),

Billi:

(1)

Id-Direttivi tal-Kunsill 73/404(KEE) tat-22 ta' Novembru 1973 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar id-detergenti ( 3 ), 73/405/(KEE) tat-22 ta' Novemberu 1973 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar metodi ta' testjar ta' bijodegradibilità ta' surfactants anjoniċi ( 4 ), 82/242/KEE tal-31 ta' Marzu 1982 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar metodi ta' testjar dwar bijodegradibilità ta' surfactants mhux anjoniċi ( 5 ) 82/243/KEE tal-31 ta' Marżu 1982 li temenda d-direttiva 73/405/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar metodi ta' testjar ta' bijodegradibilità ta' surfactants anjoniċi ( 6 ) u 86/94/KEE ta' l-10 ta' Marzu 1986 li temenda għat-tieni darba d-Direttiva 73/404/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri ( 7 ), ġew emendati sostanzjalment diversi drabi. Hu mixtieq illi, għal raġunijiet ta' ċarezza u razzjonalizzazzjoni, d-dispożizzjonijiet in-kwistjoni għandhom jinkitbu mill-ġdid billi jinġabru flimkien f'test wieħed. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 89/542/KEE tat-13 ta' Settembru 1989 ( 8 ), dwar dispożizzjonijiet għal tikkettjar ta' diterġenti u prodotti ta' tindif, għandha tiġi wkoll inkluża fit-test waħdieni.

(2)

Billi l-għan ta' dan ir-Regolament, li jiżgura s-suq intern għal diterġenti, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri, jekk ma jkunx hemm kriterji tekniċi komuni fil-Komunità kollha, u għalhekk jista' jinkiseb aħjar f'livell ta' Komunità, l-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà kif preskritt f'Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif preskritt f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx ‘il hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak il-għan. Regolament hu l-istrument xieraq u legali għaliex jimponi direttament fuq fabbrikanti rekwiżiti preċiżi li għandhom jiġu implimentati fl-istess ħin u bl-istess mod fil-Komunità kollha; fil-qasam ta' leġislazzjoni teknika, tkun meħtieġa l-applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri, u din tkun tista' tiġi garantita biss permezz ta' Regolament.

(3)

Hi meħtieġa definizzjoni ġdida għal diterġenti li tkopri użi simili u li tkun taqbel ma' żviluppi fuq livell ta' Stati Membri.

(4)

Hemm il-ħtieġa li tinħoloq definizzjoni għal surfactant, li hi nieqsa fil-leġislazzjoni eżistenti.

(5)

Hu importanti li tingħata deskrizzjoni ċara u preċiża tat-tipi ta' bijodegradibilità rilevanti.

(6)

Miżuri dwar diterġenti għandhom jiġu adottati biex jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern u biex tiġi evitata restrizzjoni ta' kompetizzjoni fil-Komunità.

(7)

Kif ikkonfermat bil-White Paper tal-Kummissjoni dwar strateġija ta' Politika Kimika għall-ġejjieni, miżuri xierqa dwar diterġenti għandhom jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni ambjentali, speċjalment ta' l-ambjent akwatiku.

(8)

Id-diterġenti diġà huma suġġetti għal ċerti dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-manifattura, maniġġjar xieraq, użu u tikkettjar tagħhom, b'mod partikolari b'referenza għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 89/542/KEE u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/480/KEE tat-22 ta' Lulju 1998 dwar prattika ambjentali tajba fir-rigward ta' diterġenti għall-użu ta' ħasil domestiku ( 9 ); Id-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, pakkjar u tikkettjar ta' preparazzjonijiet perikolużi ( 10 ) tapplika għal diterġenti.

(9)

Ditallow-dimethyl-ammonium-chloride (DTDMAC) u nonylphenol (inklużi ethoxylates derivatives-APEs) huma sustanzi ta' priorità li huma s-suġġett ta' attivitajiet f'livell Komunitarju dwar stima ta' riskji, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u kontroll tar-riskji minn sustanzi eżistenti ( 11 ), u jekk necessarju, strateġiji adegwati biex jiġu limitati r-riskji mill-esponiment għal dawn is-sustanzi għandhom għalhekk ikunu rakkomandati u implimentati fil-qafas ta' dispożizzjonijiet Komunitarji oħra.

(10)

Il-leġislazzjoni eżistenti dwar biodegradibilità ta' surfactants f'diterġenti tkopri biss bijodigradibilità primarja ( 12 ) u tapplika biss għal surfactants anjoniċi ( 13 ) u mhux joniċi ( 14 ); għalhekk għandha tiġi sostitwita b'leġislazzjoni ġdida, li tagħmel l-akbar enfasi fuq bijodegradibilità fl-aħħar fażijiet tagħha u tħares il-ħtiġijiet importanti relatati mat-tossiċità potenzali ta' metaboliti persistenti.

(11)

Dan ikun jeħtieġ l-introduzzjoni ta' sett ġdid ta' testi bażati fuq standards ta' EN ISO u linji ta' gwida ta' l-OECD, li jirregolaw l-għoti ta' permess dirett għat-tqegħid ta' diterġenti fis-suq.

(12)

Biex jinħoloq livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent, diterġenti li ma jħarsux il-ħtiġijiet preskritti b'dan ir-Regolament m'għandhomx jitqiegħdu fis-suq.

(13)

Fil-25 ta' Novembru 1999 il-Kumitat Xjentifiku dwar Tossiċità, Ekotossiċità u l-Ambjent ħareġ opinjoni dwar il-bijodigradibilità ta' surfactants f'diterġenti u r-rilevanza ta' metodi ta' testijiet għal kontroll regolatorju f'dan il-qasam.

(14)

Il-ħtiġijiet eżistenti dwar il-biodigradibilità primarja għandhom jinżammu fuq livell ġerarkiku sekondarju u supplimentati bi stima ta' riskji komplementari, għal dawk is-surfactants li ma jgħaddux minn testijiet dwar bijodigradibilità fl-aħħar fażijiet tagħha; barra hekk, surfactants li ma jgħaddux mit-testijiet primarji ta' biodigradibilità m'għandhomx jiksbu awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq permezz ta' xi deroga

(15)

Il-ħtiġijiet primarji ta' biodegradibilità għandhom jiġu estiżi għas-surfactants kollha, speċjalment dawk katjoniċi u amfoteriċi, waqt li titħalla l-possibiltà li jiġu applikati analiżi strumentali f'dawk il-każi li l-metodi analitiċi semi-speċifiċi ma jkunux adattati għalihom.

(16)

Id-determinazzjoni ta' metodi ta' testijiet għall-biodegradibilità u ż-żamma ta' listi ta' derogi huma affarijiet tekniċi u għandhom jiġu riveduti waqt li jitqiesu żviluppi tekniċi u xjentifiċi kif ukoll żviluppi regolatorji.

(17)

Metodi ta' testijiet għandhom jipproduċu informazzjoni li tagħti biżżejjed assigurazzjoni ta' biodegradibbilita_ aerobika ta' surfactants f'diterġenti.

(18)

Metodi għall-ittestjar ta' biodegradibilità f'diterġenti jistgħu jipproduċu riżultati li jvarjaw. F'dawn il-każi għandhom ikunu komplementati bi stimi addizzjonali biex ikunu determinati r-riskji mill-użu kontinwu.

(19)

Għandhom ukoll isiru dispożizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq f'każi eċċezzjonali ta' surfactants f'diterġenti li ma jgħaddux minn testijiet finali dwar biodegradibilità u dan għandu jseħħ fuq il-bażi ta' l-informazzjoni kollha rilevanti biex ikun żgurat il-ħarsien ta' l-ambjent u fuq il-bażi ta' każ każ.

(20)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri dwar l-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni ( 15 ).

(21)

Ikun xieraq li wieħed iżomm quddiem għajnejh li hemm leġislazzjoni orizzontali oħra applikabbli għal surfactants ta' diterġenti, b'mod partikolari id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar restrizzjonijiet fil-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi ( 16 ) li bihom il-marketing u l-użu ta' sustanzi perikolużi koperti b'dan ir-Regolament jistgħu jiġu projbiti jew ristretti, id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, pakkettjar u tikkettjar ta' sustanzi perikolużi ( 17 ), id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/67/KEE ta' l-20 ta' Lulju 1993 li tistabbilixxi l-prinċipji dwar l-istima tar-riskji għall-bniedem u għall-ambjent minn sustanzi notifikati skond id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE ( 18 ), ir-Regolament (KEE) Nru 793/93, u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1488/94 tat-28 ta' Ġunju 1994 li jistabbilixxi l-prinċipji dwar l-istima tar-riskji għall-bniedem u għall-ambjent minn sustanzi eżistenti ( 19 ); id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali ( 20 ); id-Direttiva 2004/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' prattika tajba ta' laboratorju u l-verifikazzjoni ta' l-applikazzjoni tagħhom għal testijiet fuq sustanzi kimiċi (verżjoni kodifikata) ( 21 ); id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 dwar l-ispezzjoni u l-verifikazzjoni ta' prattika tajba ta' laboratorju (PTL)(verżjoni kodifikata) ( 22 ); u d-Direttiva tal-Kunsill 86/609/KEE ta' l-24 ta' Novembru 1986 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amminsitrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-ħarsien ta' annimali użati għal għanijiet sperimentali u oħrajn xjentifiċi ( 23 ).

(22)

Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-fabbrikanti li ma jqiegħdux fis-suq diterġenti li ma jħarsux dan ir-Regolament u li jkun hemm għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali l-inkartamenti tekniċi dwar is-sustanzi u ►M2  t-taħlitiet ◄ kollha koperti b'dan ir-Regolament; dan għandu jgħodd ukoll għal surfactants li ma jkunux għaddew mit-testijiet imsemmija fl-Anness III.

(23)

Il-fabbrikanti għandhom jitħallew li jitolbu għal deroga mill-Kummissjoni, li għandu jkollha l-possibbiltà li tagħti din id-deroga skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 12(2).

(24)

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu japplikaw miżuri ta' kontroll għal diterġenti fis-suq, iżda għandhom jevitaw li jkunu ripetuti testijiet li jkunu saru mill-laboratorji kompetenti.

(25)

Id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar tikkettjar għal diterġenti għandhom jibqgħu jiġu osservati, inklużi dawk fir-Rakkomandazzjoni 89/542/KEE, li huma inklużi f'dan ir-Regolament biex jintlaħaq l-għan tal-modernizzar tar-regoli dwar diterġenti. Tikkettjar speċifiku għandu jiġi introdott biex il-konsumaturi jkunu nfurmati dwar sustanzi ta' fwieħa u aġenti ta' priservazzjoni li jkunu preżenti f'diterġenti. Il-persunal mediku għandhom ikunu jistgħu jiksbu mingħand il-fabbrikant, fuq talba, lista sħiħa ta' l-ingredjenti kollha ta' diterġent biex tgħinhom jinvestigaw jekk ikunx hemm xi konnessjoni kawżali bejn l-iżvilupp ta' rispons allerġiku għal xi sustanza kimika partikolari, u l-Istati Membri għandhom ikunu f'pożizzjoni li jitolbu biex listi bħal dawn ikunu wkoll disponibbli għal xi korp pubbliku speċifiku nominat biex jgħaddi din l-informazzjoni lill-persunal mediku.

(26)

Il-punti kollha ta' hawn fuq jitolbu leġislazzjoni ġdida biex tissostitwixxi dik eżistenti; madankollu, għal xi perjodu, Stati Membri jistgħu ikomplu japplikaw il-liġijiet eżistenti tagħhom.

▼M3 —————

▼B

(28)

Diterġenti konformi ma' dan ir-Regolament għandhom jitħallew li jitqiegħdu fis-suq bla ħsara għal dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-Komunità.

(29)

Biex ikun żgurat il-ħarsien tal-bniedem u ta' l-ambjent minn xi riskji mhux previsti minn diterġenti, hemm bżonn klawsola ta' salvagward.

(30)

It-testijiet speċifikati għall-biodigradibilità ta' surfactants għandhom isiru f'laboratorji li jħarsu standard magħruf internazzjonalment, jiġifieri l-EN/ISO/IEC/17025 jew il-prinċipji ta' prattika tajba ta' laboratorju; ma jkunx ġustifikat li wieħed jitlob għall-applikazzjoni ta' din ta' l-aħħar għal surfactants eżistenti sakemm it-testijiet disponibbli għalihom ikunu saru qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-istandard ta' hawn fuq u li għad għandhom livell paragunabbli ta' kwalità xjentifika.

(31)

Il-kwistjonijiet dwar biodegradazzjoni anaerobika, il-biodegradazzjoni ta' l-ingredjenti ewlenin bla surfactants u organiċi ta' diterġenti, u kontenut ta' fosfat, li m'humiex trattati f'dan ir-Regolament għandhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni u, meta jkun ġustifikat, trid tiġi preżentata proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Sakemm ikun hemm aktar armonizzazzjoni, Stati Membri jistgħu iżommu jew jagħmlu regoli nazzjonali dwar il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq.

(32)

Il-ħames Direttivi u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-parti(1) tad-dokument li jsemmi l-fatti u li huma sostitwiti b'dan ir-Regolament għandhom jiġu mħassra,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 01.06.2015 00:00:00 -Doknr: CELEX:32004R0648
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.