Artikolu 500c
Esklużjoni tal-qbiż fil-valur mill-kalkolu tal-addend tal-ittestjar retrospettiv fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19
B'deroga mill-Artikolu 325bf, f'ċirkostanzi eċċezzjonali u f'każijiet individwali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu lill-istituzzjonijiet jeskludu l-qbiż fil-valur evidenti mill-ittestjar retrospettiv tal-istituzzjoni fuq bidliet ipotetiċi jew reali mill-kalkolu tal-addend stabbilit fl-Artikolu 325bf, dment li dak il-qbiż fil-valur ma jirriżultax minn defiċjenzi fil-mudell intern u dment li jkunu seħħew bejn l-1 ta' Jannar 2020 u l-31 ta' Diċembru 2021.