+TITOLU I SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
---+Artikolu 1 Suġġett
------+Artikolu 1 1.
------+Artikolu 1 2.
---+Artikolu 2 Kamp ta’ applikazzjoni
------+Artikolu 2 1.
------+Artikolu 2 2.
------+Artikolu 2 3.
------+Artikolu 2 4.
------+Artikolu 2 5.
---+Artikolu 3 Esklużjonijiet
---+Artikolu 4 Definizzjonijiet

TITOLU I SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

TITOLU I SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 1 Suġġett -
Artikolu 2 Kamp ta’ applikazzjoni -
Artikolu 3 Esklużjonijiet

Artikolu 3

Esklużjonijiet

Din id-Direttiva ma tapplikax għal dan li ġej:

(a) 

tranżazzjonijiet ta’ pagament li jsiru biss fi flus kontanti direttament mill-pagatur lill-benefiċjarju, mingħajr ebda intervent intermedjarju;

(b) 

tranżazzjonjiet ta’ pagament mill-pagatur lill-benefiċjarju permezz ta’ aġent kummerċjali awtorizzat permezz ta’ ftehim li jinnegozja jew jikkonkludi l-bejgħ jew ix-xiri ta’ oġġetti jew servizzi f’isem il-pagatur biss jew il-benefiċjarju biss;

(c) 

trasport fiżiku professjonali ta’ flus f’karti tal-flus u f’muniti, inkluż il-ġbir, l-ipproċessar u t-tqassim tagħhom;

(d) 

tranżazzjonijiet ta’ pagament li jikkonsistu fil-ġbir u t-tqassim mhux professjonali ta’ flus kontanti fil-qafas ta’ attività mhux bi skop ta’ qligħ jew ta’ karità;

(e) 

servizzi fejn il-flus kontanti huma fornuti mill-benefiċjarju lill-pagatur bħala parti minn tranżazzjoni ta’ pagament, wara li tkun saret talba espliċita mill-utent ta’ servizzi ta’ pagament eżatt qabel l-esekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta’ pagament permezz ta’ pagament għax-xiri ta’ oġġetti jew servizzi;

(f) 

operazzjonijiet ta’ kambju ta’ munita kontanti għal kontanti, fejn il-fondi ma jkunux miżmuma f’kont ta’ pagament;

(g) 

tranżazzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kwalunkwe wieħed mid-dokumenti li ġejjin li jinħarġu a debitu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament bil-ħsieb li jitqiegħdu fondi għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju:

(i) 

ċekkijiet fuq karta rregolati mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tad-19 ta’ Marzu 1931 li tistipula liġi uniformi għal ċekkijiet;

(ii) 

ċekkijiet fuq karta simili għal dawk imsemmija fil-punt (i) u rregolati bil-liġijiet tal-Istati Membri li mhumiex parti għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tad-19 ta’ Marzu 1931 li tipprevedi liġi uniformi għal ċekkijiet;

(iii) 

ċekkijiet tal-bank fuq karta f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tas-7 ta’ Ġunju 1930 li tipprevedi liġi uniformi għal kambjali u ċedoli;

(iv) 

ċekkijiet tal-bank fuq karta simili għal dawk imsemmija fil-punt (iii) u rregolati bil-liġijiet tal-Istati Membri li mhumiex parti għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tas-7 ta’ Ġunju 1930 li tipprevedi liġi uniformi għal kambjali u ċedoli;

(v) 

vawċers fuq karta;

(vi) 

traveller’s cheques fuq karta;

(vii) 

money orders postali fuq karta kif inhuma ddefiniti mill-Unjoni Postali Universali;

(h) 

tranżazzjonjiet ta’ pagament li jsiru f’sistema ta’ saldu permezz ta’ pagament jew titoli bejn aġenti tas-saldu, kontropartijiet ċentrali, kmamar tal-ikklirjar u/jew banek ċentrali u parteċipanti oħra fis-sistema, u fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35;

(i) 

tranżazzjonijiet ta’ pagament relatati mal-manteniment ta’ assi ta’ titoli, inklużi dividendi, introjtu jew distribuzzjonijiet oħra, jew fidi jew bejgħ, imwettqa mill-persuni msemmija fil-punt (h) jew minn ditti tal-investiment, impriżi ta’ investiment kollettiv jew kumpanniji ta’ amministrazzjoni ta’ assi li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew kwalunkwe entità oħra bil-permess li jkollha l-kustodja ta’ strumenti finanzjarji;

▼M1

(j) 

servizzi pprovduti minn fornituri ta’ servizzi tekniċi, li jappoġġaw il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, mingħajr ma dawn f’ebda ħin ikunu fil-pussess tal-fondi li jridu jiġu trasferiti, inkluż l-ipproċessar u l-ħażna ta’ data, is-servizzi ta’ trust u ta’ protezzjoni tal-privatezza, awtentikazzjoni ta’ data u ta’ entità, il-forniment ta’ teknoloġija tal-informatika (IT) u netwerks ta’ komunikazzjoni, il-forniment u l-manutenzjoni ta’ terminals u apparat użat għal servizzi ta’ pagament, bl-esklużjoni ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament u servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet;

▼B

(k) 

servizzi bbażati fuq strumenti ta’ pagament li jistgħu jintużaw biss b’mod limitat, li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:,

(i) 

strumenti li jippermettu lid-detentur jakkwista oġġetti jew servizzi fil-bini biss tal-emittent jew fi ħdan netwerk limitat ta’ fornituri ta’ servizzi skont ftehim kummerċjali dirett ma’ emittent professjonali;

(ii) 

strumenti li jistgħu jintużaw biss għall-akkwist ta’ firxa limitata ħafna ta’ oġġetti jew servizzi;

(iii) 

strumenti validi biss fi Stat Membru wieħed ipprovduti fuq talba ta’ impriża jew entità tas-settur pubbliku u regolati minn awtorità pubblika nazzjonali jew reġjonali għal finijiet speċifiċi soċjali jew ta’ taxxa biex jiġu akkwistati prodotti jew servizzi speċifiċi minn fornituri li jkollhom ftehim kummerċjali mal-emittent;

(l) 

tranżazzjonijiet ta’ pagament minn fornitur ta’ netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pprovduti flimkien mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għal abbonat ta’ netwerk jew servizzi:

(i) 

għax-xiri ta’ kontenut diġitali u servizzi bl-użu tal-vuċi, irrispettivament mill-apparat użat għax-xiri jew il-konsum tal-kontenut diġitali u addebitat lill-kont relatat; jew

(ii) 

imwettqa minn jew permezz ta’ apparat elettroniku u addebitati lill-kont relatat fil-qafas ta’ attività karitattiva jew għax-xiri ta’ biljetti;

dment li l-valur ta’ kwalunkwe tranżazzjoni waħda ta’ pagament imsemmija fil-punti (i) u (ii) hawn fuq ma jaqbiżx l-EUR 50 u:

— 
il-valur kumulattiv tat-tranżazzjonijiet ta’ pagament għal abbonat individwalima jaqbiżx it-EUR 300 kull xahar; jew
— 
fejn abbonat jiffinanzja l-kont tiegħuminn qabel mal-fornitur tas-servizzi jew tan-netwerk tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-valur kumulattiv ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament ma jaqbiżx it-EUR 300 kull xahar;
(m) 

tranżazzjonijiet ta’ pagament imwettqa bejn fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, l-aġenti jew il-fergħat tagħhom għall-kont proprju;

(n) 

tranżazzjonijiet ta’ pagament u servizzi relatati bejn impriża prinċipali u s-sussidjarja tagħha jew bejn sussidjarji tal-istess impriża prinċipali, mingħajr ebda intervent intermedjarju minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li ma jkunx impriża li tappartjeni għall-istess grupp;

(o) 

servizzi ta’ ġbid ta’ flus offruti permezz ta’ ATM mill-fornituri, li jaġixxu f’isem emittent wieħed jew aktar ta’ kards, li mhumiex parti għall-kuntratt qafas mal-klijent li jiġbed il-flus minn kont ta’ pagament, bil-kundizzjoni li dawn il-fornituri ma jwettqux servizzi ta’ pagament oħra kif imsemmi fl-Anness I. Madankollu il-klijent għandu jingħata l-informazzjoni dwar kwalunkwe imposta fuq ġbid ta’ flus imsemmija fl-Artikoli 45, 48, 49 u 59 qabel ma jiġbed il-flus kif ukoll malli joħorġu l-flus fi tmiem it-tranżazzjoni wara l-ġbid tal-flus.

Artikolu 4 Definizzjonijiet

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. 

“Stat Membru ta’ domiċilju” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament; jew

(b) 

jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħu;

2. 

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru minbarra l-Istat Membru ta’ domiċilju li fih il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ikollu aġent jew fergħa jew fejn jipprovdi servizzi ta’ pagament;

3. 

“servizz ta’ pagament” tfisser wieħed jew aktar mill-attivitajiet ta’ negozju kif stabbilita fl-Anness I;

4. 

“istituzzjoni ta’ pagament” tfisser persuna ġuridika li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 11 biex tipprovdi u twettaq servizzi ta’ pagament fl-Unjoni kollha;

5. 

“tranżazzjoni ta’ pagament” tfisser att, mibdi mill-pagatur jew f’ismu jew mill-benefiċjarju, ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligu sottostanti bejn il-pagatur u l-benefiċjarju;

6. 

“tranżazzjoni ta’ pagament mill-bogħod” tfisser tranżazzjoni ta’ pagament mibdija permezz tal-Internet jew permezz ta’ apparat li jista’ jintuża għal komunikazzjoni mill-bogħod;

7. 

“sistema ta’ pagament” tfisser sistema ta’ trasferiment ta’ fondi b’arranġamenti formali u standardizzati u regoli komuni għall-ipproċessar, l-ikklirjar u/jew is-saldu ta’ tranżazzjonjiet ta’ pagament;

8. 

“pagatur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont ta’ pagament u li jippermetti ordni ta’ pagament minn dak il-kont ta’ pagament, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda kont ta’ pagament, persuna fiżika jew ġuridika li tagħti ordni ta’ pagament;

9. 

“benefiċjarju” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tkun ir-riċevitur intenzjonat ta’ fondi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;

10. 

“utent ta’ servizzi ta’ pagament” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel użu minn servizz ta’ pagament fil-kapaċità ta’ pagatur, ta’ benefiċjarju, jew tat-tnejn;

11. 

“fornitur ta’ servizzi ta’ pagament” tfisser korp imsemmi fl-Artikolu 1(1) jew persuna fiżika jew ġuridika li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 32 jew 33;

12. 

“kont ta’ pagament” tfisser kont miżmum f’isem utent wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ pagament li jintuża għall-esekuzzjoni ta’ tranżazzjonjiet ta’ pagament;

13. 

“ordni ta’ pagament” tfisser struzzjoni minn pagatur jew benefiċjarju lill-fornitur tiegħu ta’ servizzi ta’ pagament li titlob l-esekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;

14. 

“strument ta’ pagament” tfisser apparat(i) personalizzat(i) u/jew sett ta’ proċeduri miftiehma bejn l-utent ta’ servizzi ta’ pagament u l-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament u li jintuża sabiex tinbeda ordni ta’ pagament;

15. 

“servizz ta’ bidu ta’ pagament” tfisser servizz sabiex tinbeda ordni ta’ pagament fuq talba tal-utent ta’ servizzi ta’ pagament fir-rigward ta’ kont ta’ pagament miżmum għand fornitur ta’ servizzi ta’ pagament ieħor;

16. 

“servizz ta’ informazzjoni dwar kontijiet” tfisser servizz online li jipprovdi informazzjoni konsolidata dwar kont wieħed jew aktar ta’ pagament li jkollu l-utent ta’ servizzi ta’ pagament ma’ fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament jew ma’ aktar minn fornitur wieħed ta’ servizzi ta’ pagament;

17. 

“fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jġestixxi l-kont” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jipprovdi u jmantni kont ta’ pagament għal pagatur;

18. 

“fornitur ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jeżerċita attivitajiet ta’ negozju kif imsemmija fil-punt (7) tal-Anness I;

19. 

“fornitur ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jeżerċita l-attivitajiet ta’ negozju kif imsemmija fil-punt (8) tal-Anness I;

20. 

“konsumatur” tfisser persuna fiżika li, f’kuntratti ta’ servizzi ta’ pagament koperti minn din id-Direttiva, qed taġixxi għal finijiet li mhumiex is-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tiegħu jew tagħha;

21. 

“kuntratt qafas” tfisser kuntratt ta’ servizzi ta’ pagament li jirregola l-esekuzzjoni futura ta’ tranżazzjonjiet ta’ pagament individwali u suċċessivi u li jista’ jkollhom l-obbligu u l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit kont ta’ pagament;

22. 

“rimessa ta’ flus” tfisser servizz ta’ pagament fejn jiġu rċevuti fondi minn pagatur, mingħajr ma jinħolqu ebda kontijiet ta’ pagament f’isem il-pagatur jew il-benefiċjarju, għall-uniku skop li jiġi trasferit ammont korrispondenti lil benefiċjarju jew lil fornitur ieħor ta’ servizzi ta’ pagament li jaġixxi f’isem il-benefiċjarju, u/jew fejn tali fondi huma rċevuti f’isem il-benefiċjarju u magħmulin disponibbli lill-benefiċjarju;

23. 

“debitu dirett” tfisser servizzi ta’ pagament biex jiġi ddebitat il-kont ta’ pagament ta’ pagatur, fejn tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens mogħti mill-pagatur lill-benefiċjarju, ill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju, jew lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur stess;

24. 

“trasferiment ta’ kreditu” tfisser servizz ta’ pagament għall-ikkreditar ta’ kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju b’tranżazzjoni ta’ pagament jew sensiela ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament minn kont ta’ pagament ta’ pagatur mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jżomm il-kont ta’ pagament tal-pagatur, abbażi ta’ struzzjoni mogħtija mill-pagatur;

25. 

“fondi” tfisser karti tal-flus u muniti, flus skritturali jew flus elettroniċi kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE;

26. 

“data tal-valur” tfisser żmien ta’ referenza użat minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament għall-kalkolu tal-imgħax fuq il-fondi debitati minn jew kreditati lil kont ta’ pagament;

27. 

“rata tal-kambju ta’ referenza” tfisser ir-rata tal-kambju li tintuża bħala l-bażi li fuqha jiġi kkalkolat kwalunkwe kambju ta’ valuta u li ssir disponibbli mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jew tiġi minn sors pubblikament disponibbli;

28. 

“rata ta’ imgħax ta’ referenza” tfisser ir-rata tal-imgħax li tintuża bħala l-bażi għall-kalkolu ta’ kwalunkwe imgħax li għandha tiġi applikata u li tiġi minn sors pubblikament disponibbli li jkun jista’ jiġi vverifikat miż-żewġ partijiet ta’ kuntratt dwar servizzi ta’ pagament;

29. 

“awtentikazzjoni” tfisser proċedura li tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament jivverifika l-identità ta’ utent ta’ servizzi ta’ pagament jew il-validità tal-użu ta’ strument ta’ pagament speċifiku, inkluż l-użu tal-kredenzjali ta’ sigurtà personalizzati tal-utent;

30. 

“awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur” tfisser awtentikazzjoni bbażata fuq l-użu ta’ żewġ elementi jew iktar ikkategorizzati bħala għarfien (xi ħaġa li jaf biss l-utent), pussess (xi ħaġa li għandu biss l-utent) u inerenza (xi ħaġa li huwa l-utent) li huma indipendenti, fis-sens li l-ksur ta’ wieħed ma jikkompromettix l-affidabbiltà tal-oħrajn u hi mfassla b’tali mod li tipproteġi l-kunfidenzjalità tad-data tal-awtentikazzjoni;

31. 

“kredenzjali personalizzati ta’ sigurtà” tfisser karatteristiċi personalizzati pprovduti mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament lil utent ta’ servizzi ta’ pagament għal finijiet ta’ awtentikazzjoni;

32. 

“data sensittiva dwar pagamenti” tfisser data, inklużi kredenzjali personalizzati ta’ sigurtà, li tista’ tintuża biex jitwettaq frodi. Għall-attivitajiet ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ bidu ta’ pagament u fornituri ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet, l-isem ta’ sid il-kont u n-numru tal-kont ma jikkostitwixxux data sensittiva dwar pagamenti;

33. 

“identifikatur uniku” tfisser kombinazzjoni ta’ ittri, numri jew simboli li jiġi speċifikat lill-utent ta’ servizzi ta’ pagament mill-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament u li għandu jingħata mill-utent ta’ servizzi ta’ pagament biex jiġi indentifikat mingħajr ambigwità l-utent l-ieħor ta’ servizzi ta’ pagament u/jew il-kont ta’ pagament ta’ dak l-utent l-ieħor ta’ servizzi ta’ pagament għal tranżazzjoni ta’ pagament;

34. 

“mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod” tfisser metodu li, mingħajr il-preżenza fiżika simultanja tal-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament u tal-utent ta’ servizzi ta’ pagament, jista’ jintuża għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ pagament;

35. 

“mezz durevoli” tfisser strument li jippermetti lill-utent ta’ servizzi ta’ pagament li jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dak l-utent ta’ servizzi ta’ pagament b’mod aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni u li jippermetti riproduzzjoni mingħajr tibdil tal-informazzjoni maħżuna;

36. 

“mikro-intrapriża” tfisser intrapriża, li fil-ħin tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ pagament, tkun intrapriża kif definit fl-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) u (3) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

37. 

“jum ta’ negozju” tfisser jum li fih il-fornitur rilevanti ta’ servizzi ta’ pagament tal-pagatur jew il-fornitur ta’ servizzi ta’ pagament tal-benefiċjarju involut fl-esekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ pagament huwa miftuħ għan-negozju kif meħtieġ għall-esekuzzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ pagament;

38. 

“aġent” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isem istituzzjoni ta’ pagament fil-forniment ta’ servizzi ta’ pagament;

39. 

“fergħa” tfisser post ta’ negozju minbarra l-uffiċċju prinċipali li huwa parti minn istituzzjoni ta’ pagament, li ma għandux personalità ġuridika u li jwettaq direttament it-tranżazzjonijiet kollha inerenti fin-negozju ta’ istituzzjoni ta’ pagament jew uħud minnhom; il-postijiet kollha ta’ negozju stabbiliti fl-istess Stat Membru minn istituzzjoni ta’ pagament b’uffiċċju prinċipali fi Stat Membru ieħor għandhom jitqiesu bħala fergħa unika;

40. 

“grupp” tfisser grupp ta’ impriżi li huma marbuta flimkien permezz ta’ relazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(1),(2) jew (7) tad-Direttiva 2013/34/UE jew impriżi kif iddefiniti fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 241/2014 ( 2 ), li huma marbuta flimkien permezz ta’ relazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) jew fl-Artikolu 113(6) jew (7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

41. 

“netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser netwerk kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );

42. 

“servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser servizz kif iddefinit fil-punt (c) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE;

43. 

“kontenut diġitali” tfisser oġġetti jew servizzi li huma prodotti u fornuti f’forma diġitali li l-użu jew il-konsum tagħhom hu ristrett għal apparat tekniku u li bl-ebda mod ma jinkludu l-użu jew il-konsum ta’ oġġetti jew servizzi fiżiċi;

44. 

“akkwist ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagament” tfisser servizz ta’ pagament ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jidħol f’kuntratt ma’ benefiċjarju biex jaċċetta u jipproċessa tranżazzjonijiet ta’ pagament, li jirriżultaw fi trasferiment ta’ fondi lill-benefiċjarju;

45. 

“ħruġ ta’ strumenti ta’ pagament” tfisser servizz ta’ pagament minn fornitur ta’ servizzi ta’ pagament li jidħol f’kuntratt li jipprovdi lil pagatur strument ta’ pagament biex jinbdew u jiġu pproċessati t-tranżazzjonijiet ta’ pagament tal-pagatur;

46. 

“fondi proprji” tfisser fondi kif definiti fil-punt 118 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fejn tal-anqas 75 % tal-Kapital fi Grad 1 jkun fil-forma ta’ Kapital Komuni tal-Grad 1 kif imsemmi fl-Artikolu 50 ta’ dak ir-Regolament u l-Grad 2 huwa ndaqs jew anqas minn terz tal-Kapital fi Grad 1;

47. 

“marka ta’ pagament” tfisser kwalunkwe isem, terminu, sinjal, simbolu jew taħlita tagħhom, li kapaċi tindika taħt liema skema ta’ pagament b’kard isiru t-tranżazzjonijiet ta’ pagament b’kard;

48. 

“co-badging” tfisser l-inklużjoni ta’ żewġ marki jew aktar ta’ pagament jew applikazzjonijiet ta’ pagament tal-istess marka ta’ pagament fuq l-istess strument ta’ pagament.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 17.01.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32015L2366
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.