+Artikolu 452 Divulgazzjoni tal-użu tal-Approċċ IRB għar-riskju tal-kreditu

Artikolu 452 Divulgazzjoni tal-użu tal-Approċċ IRB għar-riskju tal-kreditu

Artikolu 452

Divulgazzjoni tal-użu tal-Approċċ IRB għar-riskju tal-kreditu

L-istituzzjonijiet li jikkalkulaw l-ammonti ta' skopertura ponderata għar-riskju skont l-Approċċ IRB għar-riskju ta' kreditu għandhom jiddivulgaw l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

il-permess tal-awtorità kompetenti għall-approċċ jew it-transizzjoni approvata;

(b) 

għal kull klassi ta' skopertura msemmija fl-Artikolu 147, il-perċentwal tal-valur tal-iskopertura totali ta' kull klassi ta' skopertura soġġett għall-Approċċ Standardizzat stabbilit fil-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta jew għall-Approċċ IRB stabbilit fil-Kapitolu 3 tat-Titolu II tal-Parti Tlieta, kif ukoll il-parti ta' kull klassi ta' skopertura soġġett għal pjan ta' implimentazzjoni; meta l-istituzzjonijiet ikunu rċevew permess biex jużaw LGDs proprji u fatturi ta' konverżjoni għall-kalkolu tal-ammonti ta' skopertura ponderata għar-riskju, għandhom jiddivulgaw b'mod separat il-perċentwal tal-valur tal-iskopertura totali ta' kull klassi ta' skopertura soġġett għal dak il-permess;

(c) 

il-mekkaniżmi ta' kontroll għas-sistemi ta' klassifikazzjoni fl-istadji differenti ta' żvilupp, kontrolli u bidliet ta' mudellar, li għandhom jinkludu informazzjoni dwar:

(i) 

ir-relazzjoni bejn il-funzjoni ta' maniġġar tar-riskju u l-funzjoni ta' awditu intern;

(ii) 

l-analiżi tas-sistemi ta' klassifikazzjoni;

(iii) 

il-proċedura biex tiżgura l-indipendenza tal-funzjoni inkarigata mill-analiżi tal-mudelli mill-funzjonijiet responsabbli għall-iżvilupp tal-mudelli;

(iv) 

il-proċedura biex tiżgura r-responsabbiltà tal-funzjonijiet inkarigati biex jiżviluppaw u janalizzaw il-mudelli;

(d) 

ir-rwol tal-funzjonijiet involuti fl-iżvilupp, l-approvazzjoni u l-bidliet sussegwenti tal-mudelli ta' riskju tal-kreditu;

(e) 

il-portata u l-kontenut ewlieni tar-rappurtar relatat mal-mudelli ta' riskju tal-kreditu;

(f) 

deskrizzjoni tal-proċess ta' klassifikazzjoni interna skont il-klassi ta' skopertura, inkluż in-numru ta' mudelli ewlenin użati fir-rigward ta' kull portafoll u diskussjoni qasira tad-differenzi ewlenin bejn il-mudelli fl-istess portafoll, li tkopri:

(i) 

id-definizzjonijiet, il-metodi u d-data għall-istima u l-validazzjoni ta' PD, li għandhom jinkludu informazzjoni dwar kif jiġu stmati PDs għal portafolli b'riskju baxx ta' inadempjenza, jekk ikunx hemm livelli minimi regolatorji u l-ixprunaturi għal differenzi osservati bejn PD u rati ta' inadempjenza reali mill-inqas għall-aħħar tliet perijodi;

(ii) 

fejn applikabbli, id-definizzjonijiet, il-metodi u d-data għall-istima u l-validazzjoni ta' LGD, bħall-metodi biex jikkalkulaw LGD ta' tnaqqis fir-ritmu tal-ekonomija, kif jiġu stmati LGDs għal portafoll b'riskju baxx ta' inadempjenza u l-ħin li jgħaddi bejn l-avveniment ta' inadempjenza u l-għeluq tal-iskopertura;

(iii) 

fejn applikabbli, id-definizzjonijiet, il-metodi u d-data għall-istima u l-validazzjoni ta' fatturi ta' konverżjoni, inkluż suppożizzjonijiet użati fid-derivazzjoni ta' dawk il-varjabbli;

(g) 

kif applikabbli, l-informazzjoni li ġejja fir-rigward ta' kull klassi ta' skopertura msemmija fl-Artikolu 147:

(i) 

l-iskopertura gross tagħhom li tidher fil-karta tal-bilanċ;

(ii) 

il-valuri ta' skopertura li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ tagħhom qabel il-fattur ta' konverżjoni rilevanti;

(iii) 

l-iskopertura tagħhom wara l-applikazzjoni tal-fattur ta' konverżjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju tal-kreditu rilevanti;

(iv) 

kwalunkwe mudell, parametru jew input rilevanti għall-fehim tal-ponderazzjoni tar-riskju u l-ammonti ta' riskju ta' skopertura li jirriżultaw divulgati f'numru suffiċjenti ta' gradi ta' obbligant (inkluż inadempjenza) biex tippermetti differenzjazzjoni sinifikanti ta' riskju tal-kreditu;

(v) 

b'mod separat għal dawk il-klassijiet ta' skopertura li fir-rigward tagħhom l-istituzzjonijiet ikunu rċevew permess li jużaw LGDs proprji u fatturi ta' konverżjoni għall-kalkolu ta' ammonti ta' skopertura ponderata għar-riskju, u għal skoperturi li għalihom l-istituzzjonijiet ma jużawx tali stimi, il-valuri msemmijin fil-punt (i), sa (iv) soġġett għal dak il-permess;

(h) 

l-istimi tal-istituzzjonijiet ta' PDs kontra r-rata ta' inadempjenza attwali għal kull klassi ta' skopertura tul perijodu itwal, b'divulgazzjoni separata tal-medda ta' PD, l-ekwivalenti ta' klassifikazzjoni esterna, il-medja ponderata u dik aritmetika ta' PD, in-numru ta' obbliganti fi tmiem is-sena preċedenti u tas-sena taħt analiżi, in-numru ta' obbliganti inadempjenti inkluż l-obbliganti inadempjenti ġodda, u r-rata storika, medja, annwali ta' inadempjenza.

Għall-finijiet tal-punt (b) ta' dan l-Artikolu, l-istituzzjonijiet għandhom jużaw il-valur ta' skopertura kif definit fl-Artikolu 166.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 01.01.2027 00:00:00 -Doknr: CELEX:32013R0575
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.