+Artikolu 5 1.

Artikolu 5 1.

Il-prattiki tal-IA li ġejjin għandhom ikunu pprojbiti:

(a) 

l-introduzzjoni fis-suq, it-tqegħid fis-servizz jew l-użu ta' sistema tal-IA li tuża tekniki subliminali li persuna ma tkunx konxja tagħhom jew tekniki intenzjonalment manipulattivi jew qarrieqa, bil-għan jew bir-riżultat li materjalment ifixklu l-imġiba ta' persuna jew ta' grupp ta' persuni billi jdgħajfu b'mod sinifikanti l-abbiltà tagħha li tieħu deċiżjoni infurmata, u minħabba f'hekk huma jieħdudeċiżjoni li kieku ma kinux jieħdu b'mod li jikkawża jew li aktarx raġonevolament jikkawża ħsara sinifikanti lil dik il-persuna, lil persuna oħra jew lil grupp ta' persuni;

(b) 

l-introduzzjoni fis-suq, it-tqegħid fis-servizz jew l-użu ta' sistema tal-IA li tisfrutta kwalunkwe waħda mill-vulnerabbiltajiet ta' persuna fiżika jew ta' grupp speċifiku ta' persuni minħabba l-età, diżabbiltà jew sitwazzjoni soċjali jew ekonomika speċifika, bl-għan jew bir-riżultat li tfixkel materjalment l-imġiba ta' dik il-persuna jew ta' persuna li tappartjeni għal dak il-grupp b'mod li jikkawża jew li raġonevolment aktarx jikkawża ħsara sinifikanti lil dik il-persuna jew lil persuna oħra;

▼M1

(ba) 

l-introduzzjoni fis-suq, it-tqegħid fis-servizz jew l-użu ta’ sistema tal-IA li tiġġenera jew timmanipula immaġni, vidjo jew awdjo realistiċi jew materjal simili ta’ partijiet intimi ta’ persuna fiżika identifikabli, jew ta’ persuni fiżiċi identifikabbli involuti f’attivitajiet sesswalment espliċiti, mingħajr il-kunsens mogħti liberament, speċifiku, infurmat u mhux ambigwu u espliċitu ta’ dik il-persuna għal dik il-ġenerazzjoni jew manipulazzjoni;

(bb) 

l-introduzzjonifis-suq, it-tqegħid fis-servizz jew l-użu ta’ sistema tal-IA li tiġġenera jew timmanipula l-materjal jew il-prestazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2, il-punti (c) u (e), tad-Direttiva 2011/93/UE, ħlief meta tkun tapplika difiża “mingħajr dritt” taħt il-liġi nazzjonali;

▼B

(c) 

l-introduzzjoni fis-suq, it-tqegħid fis-servizz jew l-użu ta' sistemi tal-IA għall-evalwazzjoni jew il-klassifikazzjoni ta' persuni fiżiċi jew gruppi ta' persuni tul ċertu perjodu ta' żmien abbażi tal-imġiba soċjali tagħhom jew ta' karatteristiċi personali jew tal-personalità magħrufa, inferiti jew previsti, fejn il-punteġġ għaċ-ċittadini jwassal għal wieħed minn dawn li ġejjin jew għat-tnejn li huma:

(i) 

trattament detrimentali jew mhux favorevoli ta' ċerti persuni fiżiċi jew ta' gruppi ta' persuni f'kuntesti soċjali li mhumiex relatati mal-kuntesti li fihom id-data kienet oriġinarjament iġġenerata jew miġbura;

(ii) 

trattament detrimentali jew mhux favorevoli ta' ċerti persuni fiżiċi jew ta' gruppi ta' persuni li ma jkunx ġustifikat jew li jkun sproporzjonat għall-imġiba soċjali tagħhom jew għall-gravità tagħha;

(d) 

l-introduzzjoni fis-suq, it-tqegħid fis-servizz għal dan l-għan speċifiku, jew l-użu ta' sistema tal-IA biex isiru valutazzjonijiet tar-riskju ta' persuni fiżiċi sabiex jiġi vvalutat jew imbassar ir-riskju li persuna fiżika twettaq reat kriminali, abbażi biss tat-tfassil ta' profil ta' persuna fiżika jew fuq il-valutazzjoni tal-karatteristiċi tal-personalità tagħha; din il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għas-sistemi tal-IA użati biex jappoġġaw il-valutazzjoni mill-bniedem tal-involviment ta' persuna f'attività kriminali, li diġà hija bbażata fuq fatti oġġettivi u verifikabbli marbuta direttament ma' attività kriminali;

(e) 

l-introduzzjoni fis-suq, it-tqegħid fis-servizz għal dan l-għan speċifiku, jew l-użu ta' sistemi tal-IA li joħolqu jew jespandu l-bażijiet tad-data tar-rikonoxximent tal-wiċċ permezz ta' scraping mhux immirat tal-immaġnijiet tal-wiċċ mill-internet jew minn filmati tas-CCTV;

(f) 

l-introduzzjoni fis-suq, it-tqegħid fis-servizz għal dan l-għan speċifiku, jew l-użu ta' sistemi tal-IA biex jiġu inferiti l-emozzjonijiet ta' persuna fiżika fl-oqsma tal-post tax-xogħol u tal-istituzzjonijiet edukattivi ħlief fejn l-użu tas-sistema tal-IA jkun maħsub biex tiġi introdotta fis-suq jew mqiegħda fis-servizz għal raġunijiet mediċi jew ta' sikurezza;

(g) 

l-introduzzjoni fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz għal dan l-iskop speċifiku, jew l-użu ta' sistemi ta' kategorizzazzjoni bijometrika li jikkategorizzaw individwalment lill-persuni fiżiċi abbażi tad-data bijometrika tagħhom biex jiddeduċu jew jinferixxu r-razza, l-opinjonijiet politiċi, is-sħubija fi trade union, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom; din il-projbizzjoni ma tkopri l-ebda tikkettar jew iffiltrar ta' settijiet tad-data bijometrika miksuba legalment, bħal immaġnijiet, ibbażati fuq data bijometrika jew kategorizzazzjoni ta' data bijometrika fil-qasam tal-infurzar tal-liġi;

(h) 

l-użu ta' sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika remota “fil-ħin reali” f'żoni aċċessibbli għall-pubbliku għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, dment li u sakemm dan l-użu jkun strettament meħtieġ għal wieħed mill-objettivi li ġejjin:

(i) 

it-tfittxija mmirata għal vittmi speċifiċi ta' ħtif, traffikar ta' bnedmin jew sfruttament sesswali ta' bnedmin kif ukoll it-tfittxija għal persuni neqsin;

(ii) 

il-prevenzjoni ta' theddida speċifika, sostanzjali u imminenti għall-ħajja jew għas-sikurezza fiżika ta' persuni fiżiċi jew theddida ġenwina u preżenti jew ġenwina u prevedibbli ta' attakk terroristiku;

(iii) 

il-lokalizzazzjoni jew l-identifikazzjoni ta' persuna suspettata li wettqet reat kriminali, għall-fini tat-twettiq ta' investigazzjoni kriminali jew il-prosekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni ta' piena kriminali għal reati, imsemmija fl-Anness II u punibbli fl-Istat Membru kkonċernat b'sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni għal perjodu massimu ta' mill-inqas erba' snin.

Il-punt (h) tal-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2016/679 għall-ipproċessar ta' data bijometrika għal finijiet oħra għajr l-infurzar tal-liġi.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 27.07.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R1689
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.