+Artikolu 63 Emendi għar-Regolament (UE) Nru 600/2014

Artikolu 63 Emendi għar-Regolament (UE) Nru 600/2014

Artikolu 63

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 600/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 huwa emendat kif ġej:

(1) 

fl-Artikolu 1, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.  
Il- Kapitolu 1 tat-Titolu VII ta’ dan ir-Regolament japplika wkoll għal ditti minn pajjiżi terzi li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew li jwettqu attivitajiet ta' investiment fi ħdan l-Unjoni.”;
(2) 

fit-Titolu III, it-Titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“TRASPARENZA GĦALL-INTERNALIZZATURI SISTEMATIĊI U GĦAD-DITTI TAL- INVESTIMENT LI JINNEGOZJAW OTC U REĠIMI GĦALL-FLUTTWAZZJONIJIET MINIMI POSSIBBLI FIL-PREZZIJIET GĦAL INTERNALIZZATURI SISTEMATIĊI”;

(3) 

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 17a

Daqs tal-fluttwazzjonijiet minimi possibbli fil-prezzijiet

Il-kwotazzjonijiet tal-internalizzaturi sistematiċi, it-titjib tal-prezz fuq dawk il-kwotazzjonijiet u l-prezzijiet tal-eżekuzzjoni, għandhom jikkonformaw mad-daqs tal-fluttwazzjonijiet minimi possibbli fil-prezzijiet f'konformità mal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2014/65/UE.

L-applikazzjoni tad-daqsijiet tal-fluttwazzjonijiet minimi possibbli fil-prezzijiet m’għandhiex tipprevjeni lill-internalizzaturi sistematiċi li jqabblu ordnijiet fuq skala kbira f’nofs l-offerta kurrenti u toffri prezzijiet.”;

(4) 

l-Artikolu 46 huwa emendat kif ġej:

(a) 

fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt li ġej:

“(d) 

id-ditta stabbilixxiet l-arranġamenti u l-proċeduri meħtieġa biex tirrapporta l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 6a.”;

(b) 

fil-paragrafu 4, il-ħames subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jippermettu li ditti minn pajjiżi terzi jipprovdu servizzi ta’ investiment lil, jew iwettqu attivitajiet ta’ investiment flimkien ma’ servizzi anċillari għal, kontropartijiet eliġibbli u klijenti professjonali fis-sens tat-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2014/65/UE fit-territorji tagħhom b’konformità mar-reġimi nazzjonali fejn ma tkun ġiet adottata l-ebda deċiżjoni tal-Kummissjoni b’konformità mal-Artikolu 47(1) jew meta tali deċiżjoni tkun ġiet adottata iżda jew ma tkunx għadha effettiva jew ma tkoprix is-servizzi jew l-attivitajiet ikkonċernati.”;

(c) 

fil-paragrafu 5, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta kontroparti eliġibbli jew klijent professjonali fis-sens tat-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2014/65/UE stabbilit jew li jinsab fl-Unjoni jibda fuq l-inizjattiva esklużiva tiegħu l-għoti ta’ servizz jew attività ta’ investiment minn ditta ta' pajjiż terz, dan l-Artikolu ma japplikax għall-għoti ta’ dak is-servizz jew ta’ dik l-attività mid-ditta tal-pajjiż terz lil dik il-persuna, inkluż relazzjoni marbuta speċifikament mal-għoti ta’ dak is-servizz jew ta’ dik l-attività. Mingħajr preġudizzju għal relazzjonijiet intragrupp, meta ditta ta' pajjiż terz, inkluż permezz ta’ entità li taġixxi f’isimha jew li jkollha rabtiet mill-qrib ma’ tali ditta tal-pajjiż terz jew kwalunkwe persuna oħra li taġixxi f’isem tali entità, tissolleċita klijenti jew klijenti potenzjali fl-Unjoni, ma għandhiex titqies bħala servizz ipprovdut fuq l-inizjattiva proprja esklussiva tal-klijent. Inizjattiva minn tali klijenti ma għandhiex tintitola lid-ditta ta' pajjiż terz li tikkummerċjalizza kategoriji ġodda ta’ prodotti tal-investiment jew servizzi tal-investiment lil dak l-individwu.”;

(d) 

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6a. 

ditti ta' pajjiż terz li jipprovdu servizzi jew iwettqu attivitajiet skont dan l-Artikolu għandhom, fuq bażi annwali, jinformaw lill-ESMA b'dan li ġej:

(a) 

l-iskala u l-ambitu tas-servizzi u l-attivitajiet imwettqa mid-ditti fl-Unjoni, inkluż id-distribuzzjoni ġeografika madwar l-Istati Membri;

(b) 

għal ditti li jwettqu l-attività msemmija fil-punt (3) tat-Taqsima A tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE, l-iskopertura minima, medja u massima tagħhom ta’ kull xahar għall-kontropartijiet tal-UE;

(c) 

għal ditti li jipprovdu s-servizzi msemmija fil-punt (6) tat-Taqsima A tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE, il-valur totali tal-istrumenti finanzjarji li joriġinaw mill-kontropartijiet tal-UE sottoskritti jew imqiegħda fuq bażi ta’ impenn sod matul it-12-il xahar preċedenti;

(d) 

il-fatturat u l-valur aggregat tal-assi li jikkorrispondi għas-servizzi u l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a);

(e) 

jekk sarux arranġamenti għall-protezzjoni tal-investituri, u deskrizzjoni dettaljata tagħhom;

(f) 

il-politika u l-arranġamenti tal-immaniġġar tar-riskji applikati mid-ditta fit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet imsemmija fil-punt (a)';

(g) 

l-arranġamenti għall-governanza, inkluż it-titolari ta' funzjonijiet ewlenin għall-attivitajiet tad-ditta fl-Unjoni;

(h) 

kwalunkwe informazzjoni oħra meħtieġa biex l-ESMA jew l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

L-ESMA għandha tikkomunika l-informazzjoni li tirċievi skont dan il-paragrafu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ditta ta' pajjiż terz tipprovdi servizzi ta' investiment jew twettaq attivitajiet ta’ investiment skont dan l-Artikolu.

Fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-ESMA jew tal-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, l-ESMA tista’, inkluż fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istati Membri fejn ditta ta' pajjiż terz tipprovdi servizzi ta' investiment jew twettaq attivitajiet ta’ investiment skont dan l-Artikolu, titlob lil ditti ta' pajjiż terz li jipprovdu servizzi jew iwettqu attivitajiet skont dan l-Artikolu biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni ulterjuri fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom.

6b. 

Meta ditta ta' pajjiż terz tipprovdi servizzi jew twettaq attivitajiet skont dan l-Artikolu, hija għandha żżomm, għad-dispożizzjoni tal-ESMA, id-data relatata mal-ordnijiet kollha u t-tranżazzjonijiet kollha fl-Unjoni skont l-istrumenti finanzjarji li jkunu wettqu, kemm jekk f’isimhom kif ukoll f’isem klijent, għal perijodu ta’ ħames snin.

Fuq talba tal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru fejn ditta ta' pajjiż terz tipprovdi servizzi ta' investiment jew twettaq attivitajiet ta’ investiment f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha taċċessa d-data rilevanti miżmuma għad-dispożizzjoni tagħha f'konformità mal-ewwel subparagrafu u għandha tagħmel dik id-data disponibbli għall-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba.

6c. 

Meta ditta ta' pajjiż terz ma tikkooperax f’investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post imwettqa skont l-Artikolu 47(2), jew meta ma tikkonformax ma’ talba mill-ESMA f’konformità mal-paragrafu 6a jew 6b ta' dan l-Artikolu fi żmien debitu u b'mod adatt, l-ESMA tista’ tirtira r-reġistrazzjoni tagħha jew tipprojbixxi temporanjament jew tirrestrinġi l-attivitajiet tagħha f'konformità mal-Artikolu 49.”;

(e) 

►C1  il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.  
L-ESMA, b’konsultazzjoni mal-ABE, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li ditta applikant minn pajjiż terz trid tipprovdi fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u l-informazzjoni li għandha tiġi rappurtata skont il-paragrafu 6a.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sas-26 ta’ Settembru 2020.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”; ◄

(f) 

jiżdied il-paragrafu li ġej:

▼C1

“8.  
L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format li fih l- applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tiġi ppreżentata u li fih għandha tiġi rapportata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6a.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sas-26 ta’ Settembru 2020.

Il-Kummissjoni hija ddelegata s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

▼B

(5) 

l-Artikolu 47 huwa emendat kif ġej:

(a) 

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.  

Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni skont il-proċedura ta’ eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 51(2) fir-rigward ta’ pajjiż terz li tiddikjara li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ dak il-pajjiż terz jiżguraw dan kollu li ġej:

(a) 

li d-ditti awtorizzati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma’ rekwiżiti prudenzjali, organizzazzjonali u tal-kondotta tan-negozju legalment vinkolanti, li għandhom effett ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *9 ), fid-Direttiva 2013/36/UE, id-Direttiva 2014/65/UE u d-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *10 ), u fil-miżuri ta' implimentazzjoni adottati skont dawk l-atti leġislattivi;

(b) 

li d-ditti awtorizzati f’dak il-pajjiż terz huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti prudenzjali, organizzazzjonali u tal-kondotta tan-negozju applikabbli u legalment vinkolanti; u

(c) 

li l-qafas legali ta’ dak il-pajjiż terz jipprevedi sistema ekwivalenti u effettiva għar-rikonoxximent tad-ditti tal-investiment awtorizzati skont reġimi legali ta’ pajjiżi terzi;

Meta l-iskala u l-kamp ta' applikazzjoni tas-servizzi pprovduti u l-attivitajiet imwettqa minn ditti minn pajjiżi terzi fl-Unjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu x’aktarx ikunu ta’ importanza sistemika għall-Unjoni, ir-rekwiżiti prudenzjali, organizzazzjonali u tal-kondotta tan-negozju legalment vinkolanti msemmija fl-ewwel subparagrafu jistgħu jitqiesu biss li jkollhom effett ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fl-atti msemmija f’dak is-subparagrafu wara valutazzjoni dettaljata u granulari. Għal dawk il-għan, il-Kummissjoni għandha wkoll tivvaluta u tqis il-konverġenza superviżorja bejn il-pajjiż terz konċernat u l-Unjoni.

1a.  

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta atti delegati skont l-Artikolu 50 sabiex tispeċifika aktar iċ-ċirkostanzi li fihom l-iskala u l-ambitu tas-servizzi pprovduti u l-attivitajiet imwettqa minn ditti ta' pajjiżi terzi fl-Unjoni wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ekwivalenza msemmija fil- paragrafu 1 x’aktarx ikunu ta’ importanza sistemika għall-Unjoni.

Meta l-iskala u l-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi pprovduti u l-attivitajiet imwettqa minn ditti ta' pajjiżi terzi x’aktarx li jkunu ta’ importanza sistemika għall-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tehmeż kondizzjonijiet operattivi speċifiċi ma’ deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza biex jiġi żgurat li l-ESMA u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom l-għodod meħtieġa biex jipprevjenu l-arbitraġġ regolatorju u jimmonitorjaw l-attivitajiet ta’ ditti tal-investiment ta’ pajjiżi terzi rreġistrati skont l-Artikolu 46(2) fir-rigward ta’ servizzi pprovduti u attivitajiet imwettqa fl-Unjoni billi jiġi żgurat li dawk id-ditti jikkonformaw:

(a) 

mar-rekwiżiti li għandhom effett ekwivalenti għar-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 20 u 21;

(b) 

mar-rekwiżiti ta’ rapportar li għandhom effett ekwivalenti għar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 26, fejn tali informazzjoni ma tistax tinkiseb direttament u fuq bażi kontinwa permezz ta’ Memorandum ta’ Qbil mal-awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz;

(c) 

ma’rekwiżiti li għandhom effett ekwivalenti għall-obbligu ta’ negozjar imsemmi fl-Artikoli 23 u 28, fejn applikabbli.

Meta tadotta d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra jekk il-pajjiż terz humiex identifikat bħala ġurisdizzjoni li ma tikkooperax għal skopijiet ta’ taxxa skont il-politika rilevanti tal-Unjoni jew bħala pajjiż b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849.'';

“1b.  

Il-qafas prudenzjali, organizzazzjonali u tal-kondotta tan-negozju ta’ pajjiż terz jista’ jiġi kkunsidrat li jkollu effett ekwivalenti meta dak il-qafas jissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

id-ditti li jipprovdu servizzi jew li jwettqu attivitajiet ta’ investiment f’dak il-pajjiż terz huma soġġetti għal awtorizzazzjoni u superviżjoni effettiva u infurzar fuq bażi kontinwa;

(b) 

id-ditti li jipprovdu servizzi jew li jwettqu attivitajiet ta’ investiment f’dak il-pajjiż terz huma soġġetti għal rekwiżiti kapitali suffiċjenti u, b'mod partikolari, id-ditti li jipprovdu servizzi jew li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punt (3) jew (6) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE huma soġġetti għal rekwiżiti kapitali komparabbli ma' dawk li japplikaw kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni;

(c) 

id-ditti li jipprovdu servizzi jew li jwettqu attivitajiet ta’ investiment f’dak il-pajjiż terz huma soġġetti għal rekwiżiti xierqa applikabbli għall-azzjonisti u l-membri tal-korp maniġerjali tagħhom;

(d) 

id-ditti li jipprovdu servizzi jew li jwettqu attivitajiet tal-investiment huma soġġetti għal imġiba kummerċjali u rekwiżiti organizzazzjonali adegwati;

(e) 

it-trasparenza u l-integrità tas-suq tiġi żgurata billi jipprevjenu l-abbuż tas-suq fil-forma ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq.

Għall-finijiet tal-paragrafu 1a ta' dan l-Artikolu, meta tivvaluta l-ekwivalenza tar-regoli ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-obbligu ta' negozjar stabbilit fl-Artikoli 23 u 28, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-qafas legali tal-pajjiż terz jipprevedix kriterji għad-deżinjazzjoni ta’ ċentri tan-negozjar bħala eliġibbli għall-konformità mal-obbligu ta' negozjar li għandhom effett simili għal dawk stabbiliti skont dan ir-Regolament jew skont id-Direttiva 2014/65/UE.”;

(b) 

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i) 

il-punt (a) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a) 

il-mekkaniżmu għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi konċernati, fosthom l-aċċess għall-informazzjoni kollha dwar id-ditti mhux mill-Unjoni awtorizzati f’pajjiżi terzi li tintalab mill-ESMA, u fejn rilevanti, il-modalitajiet tal-kondiviżjoni ulterjuri mill-ESMA, u, fejn rilevanti, l-arranġamenti għall-kondiviżjoni ulterjuri mill-ESMA ta' informazzjoni bħal din mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri;”;

(ii) 

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) 

il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji inkluż investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post li tista’ twettaq l-ESMA, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn id-ditta ta' pajjiż terz tipprovdi servizzi ta' investiment jew twettaq attivitajiet ta’ investiment skont l-Artikolu 46, meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-ESMA jew tal-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament, wara li tkun informat kif xieraq lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz tiegħu.”;

(iii) 

jiżdied dan li ġej:

“(d) 

il-proċeduri li jikkonċernaw talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 46 (6a) u (6b) li l-ESMA tista’ tibgħat lil ditta ta' pajjiż terz irreġistrata skont l-Artikolu 46(2).”';

(c) 

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.  

L-ESMA għandha timmonitorja l-iżviluppi regolatorji u superviżorji, il-prattiki ta' infurzar u żviluppi oħra fis-suq rilevanti f'pajjiżi terzi li għalihom ikunu ġew adottati deċiżjonijiet ta' ekwivalenza mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 sabiex tivverifika li l-kondizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom ikunu ttieħdu dawk id-deċiżjonijiet għadhom sodisfatti. L-ESMA għandha tippreżenta rapport kunfidenzjali dwar is-sejbiet tagħha lill-Kummissjoni fuq bażi annwali. Fejn jitqies xieraq mill-ESMA, l-ESMA tista’ tikkonsulta lill-ABE fir-rigward tar-rapport.

Ir-rapport għandu jirrifletti wkoll ix-xejriet osservati abbażi tad-data miġbura skont l-Artikolu 46(6a), b’mod partikolari fir-rigward ta’ ditti li jipprovdu servizzi jew iwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punti (3) u (6) tat-Taqsima A tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE.

6.  

Il-Kummissjoni għandha, abbażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 5, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-inqas fuq bażi annwali. Ir-rapport għandu jinkludi lista tad-deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza meħuda jew irtirati mill-Kummissjoni fis-sena ta’ rapportar, kif ukoll kwalunkwe miżura meħuda mill-ESMA skont l-Artikolu 49, u jipprovdi r-raġunament għal dawk id-deċiżjonijiet u l-miżuri.

Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jinkludi informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-iżviluppi regolatorji u superviżorji, il-prattiki ta’ infurzar u żviluppi oħra tas-suq rilevanti f’pajjiżi terzi li għalihom ġew adottati deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza. Għandu wkoll jieħu kont ta’ kif il-provvista transkonfinali ta’ servizzi ta’ investiment minn ditti ta' pajjiżi terzi evolviet b’mod ġenerali u b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi u l-attivitajiet imsemmija fil-punti (3) u (6) tat-Taqsima A tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE. Fi żmien debitu, ir-rapport għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-valutazzjonijiet ta’ ekwivalenza li għaddejjin li l-Kummissjoni qed twettaq fir-rigward ta’ pajjiż terz.”;

▼C2

(6) 

l-Artikolu 49 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 49

Miżuri li għandhom jittieħdu mill-ESMA

1.  
L-ESMA tista’ temporanjament tipprojbixxi jew tirrestrinġi ditta ta' pajjiż terz milli tipprovdi servizzi ta’ investiment jew twettaq attivitajiet ta’ investiment b’ xi servizz anċillari jew mingħajru skont l-Artikolu 46(1) meta d-ditta ta' pajjiż terz tkun naqset milli tikkonforma ma’ kwalunkwe projbizzjoni jew restrizzjoni imposta mill-ESMA jew mill-ABE skont l-Artikoli 40 u 41 jew minn awtorità kompetenti skont l-Artikolu 42, tkun naqset milli tikkonforma ma’ talba mill-ESMA f’konformità mal-Artikolu 46(6a) u (6b) fiż-żmien debitu u l-mod adatt, jew meta d-ditta ta' pajjiż terz ma tikkooperax ma’ investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post imwettqa skont l-Artikolu 47(2).
2.  

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-ESMA għandha tirtira r-reġistrazzjoni ta’ ditta ta' pajjiż terz fir-reġistru stabbilit skont l-Artikolu 48, meta l-ESMA tkun irreferiet il-kwistjoni lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz u dik l-awtorità kompetenti ma tkunx ħadet il-miżuri xierqa meħtieġa biex tipproteġi lill-investituri jew il-funzjonament xieraq tas-swieq fl-Unjoni, jew tkun naqset milli turi li d-ditta mill-pajjiż terz ikkonċernat tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli għaliha fil-pajjiż terz, jew mal-kondizzjonijiet li taħthom tkun ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 47(1), u tapplika waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

L-ESMA jkollha raġunijiet fondati sew abbażi ta’ evidenza dokumentata, inkluż iżda mhux limitata għall-informazzjoni annwali pprovduta skont l-Artikolu 46(6a), biex temmen li, fil-forniment tas-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment fl-Unjoni, id-ditta ta' pajjiż terz qed taġixxi b’manjiera li hija ċarament ta’ preġudizzju għall-interessi tal-investituri jew tal-funzjonament ordnat tas-swieq;

(b) 

L-ESMA jkollha raġunijiet fondati sew abbażi ta’ evidenza dokumentata, inkluż iżda mhux limitata għall-informazzjoni annwali pprovduta skont l-Artikolu 46(6a), biex temmen li fil-forniment tas-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment fl-Unjoni, id-ditta ta' pajjiż terz tkun kisret id-dispożizzjonijiet applikabbli għaliha fil-pajjiż terz u li fuq il-bażi tagħhom il-Kummissjoni tkun adottat id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 47(1).

3.  

L-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz bl-intenzjoni tagħha li tieħu azzjoni fi żmien debitu f'konformità mal-paragrafu 1 jew 2.

Meta tiddeċiedi dwar l-azzjoni xierqa li għandha tittieħed skont dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tqis in-natura u s-serjetà tar-riskju maħluq għall-investituri u l-funzjonament xieraq tas-swieq fl-Unjoni, filwaqt li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a) 

id-durata u l-frekwenza tar-riskju li jirriżulta;

(b) 

jekk ir-riskju jkunx żvela dgħufijiet serji jew sistemiċi fil-proċeduri tad-ditti ta' pajjiż terz;

(c) 

jekk ir-reat finanzjarju ġiex ikkawżat, iffaċilitat jew attribwit b'mod ieħor għar-riskju;

(d) 

jekk ir-riskju jkunx seħħ intenzjonalment jew b’negliġenza.

L-ESMA għandha tinforma lill-Kummissjoni u lid-ditta minn pajjiż terz ikkonċernat dwar kwalunkwe miżura adottata skont il-paragrafu 1 jew 2 mingħajr dewmien u għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha fil-websajt tagħha.

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-kondizzjonijiet skont liema ġiet adottata deċiżjoni skont l-Artikolu 47(1) għadhomx jeżistu fir-rigward tal-pajjiż terz ikkonċernat.”;

(6a) 

l-Artikolu 50 huwa emendagt kif ġej:

(a) 

il-pararafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 1(9), l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 15(5), l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 19(2) u (3), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 40(8), l-Artikolu 41(8), l-Artikolu 42(7), l-Artikolu 45(10), l-Artikolu 47(1a) u l-Artikolu 52(10) u (12) għandha tkun konferita fuq il-Kmmissjoni għal perijodu ta’ żmien indefinit mit-2 ta’ Lulju 2014.”;
(b) 

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.  
Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 1(9), l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 15(5), l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 19(2) u (3), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 40(8), l-Artikolu 41(8), l-Artikolu 42(7), l-Artikolu 45(10), l-Artikolu 47(1)(a) u l-Artikolu 52(10) u (12) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol tkun effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.”;
(c) 

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 1(9), l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 15(5), l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 19(2) u (3), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 40(8), l-Artikolu 41(8), l-Artikolu 42(7), l-Artikolu 45(10), l-Artikolu 47(1a) u l-Artikolu 52(10) jew (12) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;
(7) 

fl-Artikolu 52, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“13.  
Sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-ESMA għandha tivvaluta l-ħtiġijiet ta’ persunal u riżorsi li jirriżultaw mill-assunzjoni tas-setgħat u d-dmirijiet tagħha f’konformità mal-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2019/2033 u tippreżenta rapport dwar dik il-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.”;

▼B

(8) 

fl-Artikolu 54 il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.  
Ditti minn pajjiżi terzi jistgħu jkomplu jipprovdu s-servizzi u l-attivitajiet fl-Istati Membri, skont ir-reġimi nazzjonali, sa tliet snin wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni rigward il-pajjiż terz rilevanti f’konformità mal-Artikolu 47. Is-servizzi u l-attivitajiet mhux koperti b’tali deċiżjoni jistgħu jibqgħu jiġu pprovduti skont ir-reġim nazzjonali.”.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 09.01.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32019R2033
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.