1. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-membri tal-ikklerjar li jassumu telf li jmur lil hinn mill-kaskata tal-inadempjenza, meta CCP f’irkupru kkawżat minn event mhux inadempjenti tkun applikat l-arranġamenti u l-miżuri biex jitnaqqas il-valur ta’ kwalunkwe qligħ pagabbli mis-CCP lil membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru tagħha, u b’riżultat ta’ dan ma tkunx daħlet f’riżoluzzjoni, l-awtorità kompetenti tas-CCP tista’ teżiġi li s-CCP tagħti kumpens lill-membri tal-ikklerjar għat-telf tagħhom permezz ta’ pagamenti fi flus kontanti jew, fejn xieraq, tista’ teżiġi li s-CCP toħroġ strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tas-CCP. Il-possibbiltà li jingħata kumpens lil membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti ma għandhiex tapplika għal telf impenjat permezz ta’ kuntratti fil-fażijiet ta’ ġestjoni ta’ inadempjenza jew ta’ rkupru.
Il-pagamenti fi flus kontanti jew il-valur tal-istrumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tas-CCP maħruġa lil kull membru tal-ikklirjar mhux inadempjenti affettwat għandhom ikunu proporzjonati għat-telf li ġarrab lil hinn mill-impenji kuntrattwali tiegħu. L-istrumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tas-CCP għandhom jagħtu lill-pussessur id-dritt li jirċievi pagamenti mis-CCP fuq bażi annwali sakemm jinġabar it-telf, jekk possibbli fit-totalità tiegħu, soġġett għal għadd massimu ta’ snin xieraq mid-data tal-ħruġ. Jekk il-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti jkunu għaddew it-telf eċċessiv lill-klijenti tagħhom, il-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti għandhom ikunu obbligati li jgħaddu l-pagamenti riċevuti mis-CCP lill-klijenti tagħhom, sa fejn it-telf li jkun qed jiġi kkumpensat ikun relatat mal-pożizzjonijiet tal-klijent. Għandu jintuża sehem massimu xieraq tal-profitti annwali tas-CCP għal pagamenti relatati ma’ dawk l-istrumenti.