+Artikolu 73 Kunfidenzjalità
---+Artikolu 73 1
---+Artikolu 73 2
---+Artikolu 73 3
---+Artikolu 73 4
---+Artikolu 73 5
---+Artikolu 73 6

Artikolu 73 Kunfidenzjalità

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 73 1

1.   Ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali għandhom jorbtu fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti, l-ESMA u l-EBA;

(c)

il-ministeri kompetenti;

(d)

il-maniġers speċjali jew l-amministraturi temporanji maħtura skont dan ir-Regolament;

(e)

l-akkwirenti potenzjali li jiġu kkuntattjati mill-awtoritajiet kompetenti jew solleċitati mill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni, irrispettivament minn jekk dak il-kuntatt jew dik is-solleċitazzjoni jkunux saru bħala tħejjija għall-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ ta’ negozju, kif ukoll irrispettivament minn jekk is-solleċitazzjoni rriżultatx f’akkwist;

(f)

l-awdituri, il-kontabilisti, il-konsulenti legali u professjonali, il-valwaturi u esperti oħrajn ingaġġati direttament jew indirettament mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti, mill-ministeri kompetenti jew mill-akkwirenti potenzjali msemmija fil-punt (e);

(g)

il-banek ċentrali u awtoritajiet oħrajn involuti fil-proċess tar-riżoluzzjoni;

(h)

CCP tranżitorja;

(i)

il-maniġment superjuri u l-membri tal-bord tas-CCP, u l-impjegati tal-korpi jew l-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (k) qabel, matul u wara l-ħatra tagħhom;

(j)

il-membri l-oħrajn kollha tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni mhux imsemmija fil-punti (a), (b), (c) u (g); u

(k)

kwalunkwe persuna oħra li tipprovdi jew li kienet tipprovdi direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, lill-persuni msemmija fil-punti (a) sa (j).

Artikolu 73 2

2.   Bil-għan li jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità stipulati fil-paragrafi 1 u 3 jiġu rrispettati, il-persuni msemmija fil-punti (a), (b), (c), (g), (h) u (j) tal-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li jkun hemm regoli interni fis-seħħ, inklużi regoli intiżi sabiex jiżguraw is-segretezza tal-informazzjoni bejn persuni direttament involuti fil-proċess ta’ riżoluzzjoni.

Artikolu 73 3

3.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu pprojbiti milli jiddivulgaw informazzjoni kunfidenzjali li jirċievu matul il-kors tal-attivitajiet professjonali tagħhom jew mingħand awtorità kompetenti jew awtorità ta’ riżoluzzjoni b’konnessjoni mal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, lil kwalunkwe persuna jew awtorità, sakemm dan ma jkunx fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament jew f’għamla ta’ sommarju jew aggregata, sabiex b’hekk is-CCPs individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati jew bil-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtorità jew tas-CCP li tkun ipprovdiet l-informazzjoni.

Qabel jiddivulgaw kwalunkwe tip ta’ informazzjoni, il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jivvalutaw l-effetti li d-divulgazzjoni jista’ jkollha fuq l-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, fuq l-interessi kummerċjali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, fuq l-iskop tal-ispezzjonijiet, fuq l-investigazzjonijiet u fuq l-awditi.

Il-proċedura għall-kontroll tal-effetti tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni speċifika tal-effetti ta’ kwalunkwe divulgazzjoni tal-kontenut u tad-dettalji tal-pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni msemmija fl-Artikoli 9 u 12 u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa skont l-Artikoli 10 u 15.

Kwalunkwe persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għar-responsabbiltà ċivili fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-Artikolu, b’konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 73 4

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali ma’ kwalunkwe minn dawn li ġejjin, dment li r-riċevitur ikun soġġett għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità għall-finijiet ta’ dak l-iskambju:

(a)

kwalunkwe persuna oħra fejn ikun meħtieġ għall-finijiet tal-ippjanar jew it-twettiq ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni;

(b)

il-kumitati ta’ inkjesta parlamentari fl-Istat Membru tagħhom, il-qrati tal-awdituri fl-Istat Membru tagħhom u entitajiet oħrajn inkarigati minn inkjesti fl-Istat Membru tagħhom;

(c)

l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-sorveljanza tas-sistemi ta’ ħlas, l-awtoritajiet responsabbli mill-proċedimenti normali ta’ insolvenza, l-awtoritajiet fdati bid-dover pubbliku tas-superviżjoni ta’ entitajiet oħrajn fis-settur finanzjarju, l-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni ta’ swieq finanzjarji u impriżi tal-assigurazzjoni u spetturi li jaġixxu f’isimhom, l-awtoritajiet responsabbli għaż-żamma tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri permezz tal-użu ta’ regoli makroprudenzjali, l-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u l-persuni responsabbli sabiex iwettqu awditi statutorji.

Artikolu 73 5

5.   Dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi:

(a)

lill-impjegati u lill-esperti tal-korpi jew tal-entitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (g) u fil-punt (J) tal-paragrafu 1 milli jikkondividu informazzjoni bejniethom fi ħdan kull korp jew entità;

(b)

lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni u lill-awtoritajiet kompetenti, inklużi l-impjegati u l-esperti tagħhom, milli jikkondividu informazzjoni ma’ xulxin u ma’ awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni oħrajn tal-Unjoni, ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-Unjoni, mal-ministeri kompetenti, mal-banek ċentrali, mal-awtoritajiet responsabbli mill-proċedimenti normali ta’ insolvenza, mal-awtoritajiet responabbli miż-żamma tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri permezz tal-użu ta’ regoli makroprudenzjali, mal-persuni inkarigati bit-twettiq ta’ awditi statutorji tal-kontijiet, mal-EBA, mal-ESMA, jew, soġġett għall-Artikolu 80, ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi li jwettqu funzjonijiet ekwivalenti għall-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, jew, soġġett għal rekwiżiti stretti ta’ kunfidenzjalità, għal akkwirent potenzjali għall-finijiet tal-ippjanar jew it-twettiq ta’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

Artikolu 73 6

6.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali dwar id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni għal finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji f’kawżi kriminali jew ċivili.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 22.01.2021 00:00:00 -Doknr: CELEX:32021R0023
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.