+Preamble: 1
|
Preamble: 1
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 325az(8), l-ewwel subparagrafu, il-punt (b), u t-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1)
|
L-istituzzjonijiet jitħallew jużaw biss mudelli interni għar-riskju tas-suq jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet mhux biss jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti meta japplikaw għal permess sabiex jużaw dawk il-mudelli interni, iżda wkoll meta jużaw dawk il-mudelli, u meta japplikaw għal estensjonijiet jew għal bidliet sinifikanti f’dawn il-mudelli interni. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit li l-awtoritajiet kompetenti, meta jivverifikaw jekk l-istituzzjonijiet jikkonformawx ma’ dawk ir-rekwiżiti, japplikaw l-istess kriterji u l-istess metodoloġija ta’ valutazzjoni għal kull waħda minn dawk il-fażijiet. Madankollu, għal raġunijiet ta’ effiċjenza u sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti, meta jivvalutaw il-konformità mill-istituzzjonijiet li diġà ngħataw permess sabiex jużaw tali mudelli interni alternattivi, jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jivvalutaw mill-ġdid permess bħal dan. Minflok, jenħtieġ li jivvalutaw biss il-konformità ma’ dawk ir-regoli li huma rilevanti għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-valutazzjoni kkonċernata, u jibnu, f’kull każ, fuq il-konklużjonijiet minn valutazzjonijiet preċedenti.
|
|
(2)
|
Sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jikkonformaw fuq bażi kontinwa mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jevalwaw il-kwalità ġenerali tas-soluzzjonijiet, tas-sistemi u tal-approċċi implimentati minn istituzzjoni, u jitolbu titjib u adattamenti kostanti għal ċirkostanzi mibdulin.
|
|
(3)
|
Sabiex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni u l-komparabbiltà tal-prattiki superviżorji f’ġuriżdizzjonijiet differenti, il-valutazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ jekk l-istituzzjonijiet jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jenħtieġ li tikkonforma ma’ tekniki ta’ valutazzjoni preskrittivi. Madankollu, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-istruttura u tal-mudell tan-negozju ta’ istituzzjoni, il-kumplessità tal-mudelli interni alternattivi, in-natura tal-prodotti finanzjarji li jkopru dawk il-mudelli, il-kwalità tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni kkonċernata, u r-riżorsi li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Għalhekk, meta jivvalutaw jekk istituzzjoni tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw ċerta diskrezzjoni, li tippermettilhom iwettqu kontrolli addizzjonali u li japplikaw l-aktar metodi xierqa għall-verifika tal-konformità ma’ rekwiżiti partikolari. Barra minn hekk, sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu dik il-valutazzjoni b’mod proporzjonat, u minħabba l-firxa wiesgħa ta’ prodotti finanzjarji disponibbli f’attivitajiet ta’ negozjar, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti kategoriji ta’ prodotti finanzjarji ta’ livell dejjem akbar ta’ kumplessità, li fuqhom l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom.
|
|
(4)
|
Sabiex jiġi żgurat fehim intern suffiċjenti tal-mudell intern alternattiv, inklużi l-operazzjonijiet esternalizzati, huwa neċessarju li jiġi stabbilit li, minkejja kwalunkwe esternalizzazzjoni ta’ xi għodod ta’ riskju, ta’ sistemi tal-IT, u ta’ soluzzjonijiet għall-ġestjoni tar-riskji, il-kompiti, l-attivitajiet jew il-funzjonijiet ewlenin kollha relatati mal-mudell intern għandhom jitwettqu mill-unità ta’ kontroll tar-riskji msemmija fl-Artikolu 325bi(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li dawk ir-regoli jirrikjedu wkoll li l-unità ta’ kontroll tar-riskji timplimenta kontrolli adegwati u twettaq testijiet ta’ kwalità u ta’ validazzjoni għal kwalunkwe soluzzjoni esternalizzata, li d-dokumentazzjoni sħiħa dwar dawk il-kontrolli u t-test tkun disponibbli fil-każijiet kollha, u li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw kwalunkwe għodda u soluzzjoni tal-IT miksuba minn bejjiegħa terzi b’mod simili għal każijiet li fihom ikunu ġew żviluppati bis-sħiħ permezz ta’ proċessi interni.
|
|
(5)
|
L-aspetti ta’ governanza u operazzjonali jaqdu rwol ċentrali fil-funzjonament xieraq tal-mudell intern alternattiv. Għalhekk, jenħtieġ li l-metodoloġija sabiex jiġi vverifikat jekk istituzzjoni tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 (“metodoloġija ta’ valutazzjoni”) tivvaluta b’mod komprensiv dawk l-aspetti ta’ governanza u operazzjonali, inkluż l-istabbiliment ta’ post tan-negozjar, ir-rwol tal-maniġment superjuri u tal-korp maniġerjali, l-unità ta’ kontroll tar-riskji, u r-rieżami indipendenti tal-mudell intern alternattiv innifsu.
|
|
(6)
|
Il-metodoloġija ta’ valutazzjoni relatata mal-aspetti ta’ governanza jenħtieġ li tqis li ċerti istituzzjonijiet li jitolbu permess sabiex jużaw l-approċċ ta’ mudell intern alternattiv diġà kisbu l-approvazzjoni, qabel ma r-Regolament (UE) Nru 575/2013 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/876 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), sabiex jużaw mudell intern għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli ta’ valutazzjoni li jkunu simili għal dawk stabbiliti fil-passat għal dawk l-aspetti li ma ġewx emendati bir-Regolament (UE) 2019/876, u li jiġu introdotti regoli ġodda li jkopru dispożizzjonijiet ġodda introdotti b’dak ir-Regolament, inklużi r-rekwiżiti tal-post tan-negozjar stabbiliti fl-Artikolu 104b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.
|
|
(7)
|
Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti għall-validazzjoni u għar-rieżami ta’ mudelli interni alternattivi, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet iwettqu l-validazzjoni interna tal-mudell tal-anqas darba fis-sena. Filwaqt li l-validazzjoni inizjali jenħtieġ li tkopri l-metodoloġiji kollha applikati matul il-mudell intern, huwa xieraq li jiġi stabbilit, b’kunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-persunal u fuq ir-riżorsi, li l-validazzjoni annwali tiffoka fuq tal-anqas il-kwistjonijiet ewlenin identifikati jew fil-validazzjonijiet interni preċedenti jew fl-awditi interni preċedenti, u fuq kwalunkwe bidla jew metodoloġija ġdida introdotta fil-mudell intern alternattiv.
|
|
(8)
|
L-attivitajiet ta’ negozjar u s-swieq finanzjarji qegħdin jevolvu b’mod kostanti u rapidu. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jqisu dawk il-karatteristiċi meta jivvalutaw jekk l-istituzzjonijiet jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, jenħtieġ li l-metodoloġija ta’ valutazzjoni jkun fiha standards kwalitattivi u proċedurali fir-rigward tal-approvazzjoni formali mill-istituzzjoni ta’ strumenti u ta’ prodotti finanzjarji ġodda, u l-introduzzjoni tagħhom fil-qasam tan-negozjar. L-istandards għal politika formali għall-approvazzjoni tal-prodotti ġodda huma neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-introduzzjoni ta’ strumenti u ta’ prodotti finanzjarji ġodda, li jistgħu joħolqu fatturi tar-riskju addizzjonali jew jeħtieġu bidliet metodoloġiċi fil-mudelli interni għall-kejl tar-riskju, tkun kompletament kompatibbli mal-kontroll u mal-validazzjoni komprensivi.
|
|
(9)
|
Il-kwalità tad-data u l-akkuratezza tal-istima tar-riskji u tal-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq jiddependu ħafna fuq l-affidabbiltà tas-sistemi tal-IT użati għal dak l-għan. Bl-istess mod, il-kontinwità u l-konsistenza tal-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskji u tal-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq jistgħu jiġu żgurati biss meta t-tali sistemi tal-IT ikunu sikuri, siguri u affidabbli, u meta l-infrastruttura tal-IT tkun robusta biżżejjed. Għalhekk huwa neċessarju li, meta jivvalutaw il-mudelli interni tar-riskju tas-suq, l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw ukoll l-affidabbiltà tas-sistemi tal-IT tal-istituzzjoni u r-robustezza tal-infrastruttura tal-IT użata għall-mudelli interni.
|
|
(10)
|
Waħda min-novitajiet tal-qafas il-ġdid tar-riskju tas-suq stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, il-Kapitolu 1b, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, hija d-determinazzjoni tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji fuq il-bażi ta’ miżuri tan-nuqqas mistenni. Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jimmonitorjaw b’mod attiv l-akkuratezza ta’ dawk iċ-ċifri. Għalhekk, huwa xieraq li l-istituzzjonijiet jintalbu jittestjaw direttament b’mod retrospettiv il-miżuri tan-nuqqas mistenni tagħhom bħala parti mill-programm ta’ ttestjar retrospettiv intern meħtieġ mill-Artikolu 325bj tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Peress li għad ma hemmx metodoloġija stabbilita fost il-parteċipanti fis-suq għall-ittestjar retrospettiv ta’ kejl tan-nuqqas mistenni, jenħtieġ li ma tiġi preskritta l-ebda metodoloġija speċifika, u jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jitħallew liberi li jqisu l-evoluzzjoni ta’ tekniki ġodda u tal-aħjar prattiki f’dak ir-rigward, f’konformità mar-rekwiżiti kwalitattivi stabbiliti fl-Artikolu 325bi ta’ dak ir-Regolament.
|
|
(11)
|
Il-mudelli ta’ kejl tar-riskju intern jistgħu jitqiesu biss bħala implimentati b’integrità, kif imsemmi fl-Artikolu 325bi(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta jkunu ssodisfati r-rekwiżiti regolatorji kollha. Barra minn hekk, diversi elementi kostitwenti tar-riformi ta’ Basel fil-qasam tar-riskju tas-suq ġew implimentati fid-dritt tal-Unjoni permezz ta’ atti delegati, fost l-oħrajn ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2058 (3), ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2059 (4), ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2060 (5), ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1577 (6), ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1578 (7) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2024/397 (8). Minn dan isegwi li l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jikkunsidraw jekk l-istituzzjonijiet jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, filwaqt li jqisu dawk l-atti delegati. Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni komprensiva tal-konformità tal-mudelli interni tar-riskju tas-suq, huwa neċessarju li jiġu speċifikati tekniki għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jivvalutaw il-konformità tal-istituzzjonijiet mal-aspetti koperti kemm mir-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif ukoll minn dawk ir-regolamenti delegati. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jeżaminaw dokumentazzjoni speċifika li l-istituzzjonijiet huma meħtieġa jipproduċu.
|
|
(12)
|
Ir-rekwiżiti tal-ittestjar retrospettiv u tal-attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf jipprovdu bażi solida għal monitoraġġ kritiku tal-prestazzjoni tal-mudell intern tal-kejl tar-riskji. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli ta’ valutazzjoni sabiex jitqiesu r-riżultati ta’ dawk it-testijiet. Fir-rigward tal-ittestjar retrospettiv, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-qabżiet tal-valur jiġu analizzati b’mod kritiku sabiex jiġu identifikati dgħufijiet potenzjali fil-mudell, u li l-istituzzjonijiet jimmonitorjaw jekk il-bidliet fil-valuri tal-portafolli jkunux xprunati minn fatturi tar-riskju mudellabbli jew mhux mudellabbli. Barra minn hekk, fid-dawl tar-riżultati tat-test tal-attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw l-akkuratezza tal-funzjonijiet tal-ipprezzar użati mill-istituzzjoni, billi l-akkuratezza tagħhom hija essenzjali għal kalkolu tajjeb tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji.
|
|
(13)
|
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 325bh tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa neċessarju li dawk ir-rekwiżiti jiġu speċifikati ulterjorment. Jekk l-istituzzjonijiet jikkonformawx ma’ dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jiġi vvalutat fuq il-bażi tal-kategoriji wisgħin tal-fattur tar-riskju msemmijin fit-Tabella 2 tal-Artikolu 325bd tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għalhekk, għal kull waħda minn dawk il-kategoriji, huwa neċessarju li jiġi stabbilit kif l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk ir-riskju ta’ bażi jkunx kopert, u jekk it-trattament tal-kurvi u tas-superfiċi fil-mudell intern tal-kejl tar-riskji jkunx tajjeb.
|
|
(14)
|
Minħabba n-natura li tinbidel malajr u li dejjem tevolvi tas-swieq finanzjarji, data mhux affidabbli, mhux akkurata, inkompluta jew skaduta tirriżulta fi żbalji fl-istima tar-riskji u fil-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, inkluż f’mudelli tar-riskju tas-suq. Fil-kuntest tal-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskji ta’ istituzzjoni, data żbaljata bħal din tista’ twassal ukoll għal deċiżjonijiet ħżiena dwar il-ġestjoni. Konsegwentement, sabiex jiġu żgurati l-affidabbiltà u l-kwalità għolja tad-data u l-użu xieraq tagħha fil-proċessi interni u fil-proċessi għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, il-mod kif tinġabar u tinħażen id-data u l-proċeduri għal tali ġbir u ħżin jenħtieġ li jkunu ddokumentati sew, inkluża deskrizzjoni sħiħa tal-karatteristiċi, tal-kontrolli tal-kwalità, tal-filtri awtomatiċi, u tas-sorsi speċifiċi tad-data ta’ kuljum. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, meta jivvalutaw il-mudelli interni tar-riskju tas-suq, jagħtu attenzjoni partikolari lill-kwalità u lill-affidabbiltà tad-data użata għall-finijiet ta’ mmudellar, u lill-proċessi applikati sabiex jiġi żgurat li tali kwalità u affidabbiltà jinżammu.
|
|
(15)
|
Sabiex jiġi żgurat kalkolu korrett tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, l-awtoritajiet kompetenti, meta jivvalutaw il-kwalità ġenerali tad-data, jenħtieġ li jivvalutaw jekk l-approċċ użat mill-istituzzjoni għall-indikazzjoni tas-serje kronoloġika jkunx wieħed tajjeb. Għalhekk, jenħtieġ li l-metodoloġija ta’ valutazzjoni tivverifika li r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 li jirregolaw l-użu ta’ indikaturi jiġu ssodisfati. Meta rilevanti, ir-regoli stabbiliti f’dik il-metodoloġija ta’ valutazzjoni jenħtieġ li jvarjaw skont jekk is-serje kronoloġika li għaliha ntuża indikatur tkunx relatata ma’ fattur tar-riskju li għadda mill-valutazzjoni tal-mudellabbiltà, jew ma’ fattur tar-riskju li ma għaddiex minnha.
|
|
(16)
|
Fir-rigward tal-mudell intern tar-riskju ta’ inadempjenza, u b’mod aktar partikolari l-Artikoli 325bn, 325bo, 325bp tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa neċessarju li l-metodoloġija ta’ valutazzjoni tiżgura li dawk il-mudelli tar-riskju jwasslu għal riżultati akkurati. Għalhekk, ir-regoli stabbiliti fil-metodoloġija ta’ valutazzjoni jenħtieġ li jkopru l-aspetti kollha li jaffettwaw l-eżitu ta’ dawk il-mudelli, inkluż l-ambitu tal-pożizzjonijiet koperti minn dawk il-mudelli, l-istimi tal-probabbiltajiet ta’ inadempjenza u t-telf fil-każ ta’ inadempjenza, l-għażla ta’ fatturi tar-riskju sistematiku sabiex jissimulaw l-inadempjenza tal-emittenti, u s-suppożizzjonijiet kollha tal-immudellar magħmulin mill-istituzzjoni, inkluża kwalunkwe suppożizzjoni ta’ kopula magħmula għas-simulazzjoni tal-inadempjenza ta’ emittenti multipli.
|
|
(17)
|
Ir-riskji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u minn kwistjonijiet ambjentali usa’ qegħdin ibiddlu l-istampa tar-riskju għas-settur finanzjarju u huma mistennijin isiru saħansitra aktar prominenti. Meta titqies l-importanza ta’ dawk il-motivaturi tar-riskju, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw li l-istituzzjonijiet iqisu dawk il-motivaturi tar-riskju fil-programmi tagħhom ta’ ttestjar tal-istress imsemmijin fl-Artikolu 325bi(1), il-punt (g), ir-Regolament (UE) Nru 575/2013. F’dak il-kuntest, l-istituzzjonijiet diġà ħadu passi sabiex jinkludu r-riskji ambjentali fil-programmi tagħhom ta’ ttestjar tal-istress. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet ikollhom biżżejjed żmien sabiex jirriflettu bis-sħiħ dawk ir-riskji fil-programmi tagħhom ta’ ttestjar tal-istress, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-konformità tal-istituzzjonijiet ma’ kwalunkwe rekwiżit relatat mat-tibdil fil-klima u ma’ aspetti usa’ relatati mal-ambjent biss mill-1 ta’ Jannar 2025. Bl-istess mod, fid-dawl tal-kumplessità tal-implimentazzjoni tal-ittestjar retrospettiv dirett tan-nuqqas mistenni, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jingħataw perjodu addizzjonali qabel ma l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-konformità tagħhom f’dan il-qasam. Għalhekk, jenħtieġ li d-data relatata tal-applikazzjoni tal-valutazzjoni tiġi stabbilita li tibda mill-1 ta’ Jannar 2026.
|
|
(18)
|
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.
|
|
(19)
|
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9),
|
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 17.06.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R1085
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|