+Artikolu 20 1

Artikolu 20 1

1.   Meta jivvalutaw jekk il-mudell intern tal-kejl tar-riskji, inkluż kwalunkwe mudell tal-ipprezzar, għandux rekord ipprovat li huwa raġonevolment akkurat fil-kejl tar-riskji, u ma jvarjax b’mod sinifikanti mill-mudelli li l-istituzzjoni tuża għall-mudelli interni tagħha ta’ kejl tar-riskju kif imsemmi fl-Artikolu 325bi(1), il-punt (f), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jivverifikaw jekk l-istituzzjoni għandhiex inventarji, u li dawk l-inventarji jinkludu:

(i)

il-funzjonijiet jew il-metodi tal-ipprezzar użati fil-mudell intern tal-kejl tar-riskji u l-funzjonijiet jew il-metodi ta’ pprezzar użati għall-kalkolu tal-valur fi tmiem il-jum tal-portafoll;

(ii)

għal kull waħda mill-funzjonijiet jew mill-metodi tal-ipprezzar imsemmijin fil-punt (i), deskrizzjoni konċiża, il-karatteristiċi ewlenin, is-suppożizzjonijiet, il-parametri ewlenin ta’ dawk il-funzjonijiet jew il-metodi ta’ pprezzar, kif dawk il-karatteristiċi, is-suppożizzjonijiet u l-parametri ġew ikkalibrati, u kif dawk il-funzjonijiet jew il-metodi ta’ pprezzar jiġu implimentati;

(iii)

deskrizzjoni tal-ambitu tal-istrumenti finanzjarji u tal-komoditajiet inklużi fil-mudell tal-kejl tar-riskji intern kopert minn kull funzjoni jew metodu tal-ipprezzar;

(iv)

deskrizzjoni tal-ambitu tal-istrumenti finanzjarji u tal-komoditajiet koperti minn kull funzjoni jew metodu ta’ pprezzar fil-kalkolu tal-valur fi tmiem il-jum tal-portafoll;

(v)

metrika waħda jew aktar sabiex titkejjel il-materjalità tal-pożizzjonijiet ipprezzati bil-funzjoni jew bil-metodu ta’ pprezzar korrispondenti fil-mudell intern tal-kejl tar-riskji;

(vi)

metrika waħda jew aktar sabiex titkejjel il-materjalità tal-pożizzjonijiet ipprezzati bil-funzjoni u l-metodu tal-ipprezzar korrispondenti fil-kalkolu tal-valur fi tmiem il-jum tal-portafoll;

(vii)

immappjar komprensiv bejn il-funzjonijiet tal-ipprezzar u l-metodi użati fil-mudell intern tal-kejl tar-riskji u l-funzjonijiet u l-metodi tal-ipprezzar użati fil-kalkolu tal-valur fi tmiem il-jum tal-portafoll;

(b)

jivverifikaw jekk l-inventarji msemmijin fil-punt (a) jiġux aġġornati tal-anqas darba fis-sena, u jekk il-politiki interni tal-istituzzjoni jipprovdux għal aġġornament speċifiku kull meta dan ikun neċessarju minħabba bidliet sostanzjali fl-informazzjoni pprovduta fl-inventarji;

(c)

jivverifikaw jekk id-differenzi kollha bejn il-funzjonijiet tal-ipprezzar użati għall-kalkolu tal-valur fi tmiem il-jum u l-funzjonijiet tal-ipprezzar użati fil-mudell intern tal-kejl tar-riskji humiex ivvalidati bħala parti mill-validazzjoni interna msemmija fl-Artikolu 325bj tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

jivvalutaw, fuq il-bażi tar-riżultati tal-attribuzzjoni tal-profitt u tat-telf u fuq il-bażi tar-riżultati tal-ittestjar retrospettiv, jekk hemmx funzjonijiet tal-ipprezzar li jistgħu jippreżentaw nuqqasijiet;

(e)

janalizzaw il-konklużjonijiet fl-aktar rapporti riċenti mill-validazzjoni interna tal-istituzzjoni msemmija fl-Artikolu 325bj tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar l-akkuratezza tal-mudell intern tal-kejl tar-riskji;

(f)

janalizzaw il-konklużjonijiet stabbiliti fl-aktar rapporti riċenti dwar ir-rieżami intern tal-istituzzjoni tal-akkuratezza tal-mudell intern tal-kejl tar-riskji, kif imsemmi fl-Artikolu 325bi(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(g)

jivverifikaw jekk l-istituzzjoni ddokumentatx id-differenzi bejn il-mudell intern tal-kejl tar-riskji u l-mudelli li l-istituzzjoni tuża għall-maniġjar tar-riskji intern tagħha għall-istess ambitu tal-pożizzjonijiet, u jekk l-istituzzjoni tkunx kapaċi tispjega dawk id-differenzi;

(h)

janalizzaw ir-riżultati tat-testijiet imwettqin mill-istituzzjoni bħala parti mill-validazzjoni interna tagħha sabiex jivverifikaw jekk is-suppożizzjonijiet magħmulin fil-mudell intern tal-kejl tar-riskji humiex xierqa u ma jissottovalutawx jew ma jissopravalutawx ir-riskju, kif imsemmi fl-Artikolu 325bj(3), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, b’mod partikolari għall-postijiet tan-negozjar bl-akbar differenzi bejn ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji kkalkolati f’konformità mal-approċċ standardizzat alternattiv imsemmi fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, il-Kapitolu 1a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u r-rekwiżiti ta’ fondi proprji kkalkolati f’konformità mal-mudell intern tal-kejl tar-riskji.

Għall-finijiet tal-punt (d), l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, meta xieraq, jirrikjedu li l-istituzzjoni tikkalkola, fuq sett ta’ strumenti u ta’ komoditajiet li għalihom l-awtorità kompetenti tkun trid tittestja l-akkuratezza tal-funzjonijiet tal-ipprezzar, it-tibdiliet teoretiċi għar-riskju msemmijin fil-Kapitolu 2, it-Taqsima 2, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2059 (10) u t-tibdil ipotetiku msemmi fil-Kapitolu 1, it-Taqsima 2, ta’ dak ir-Regolament Delegat, u jirrikjedu li l-istituzzjoni tiġġustifika d-differenzi fl-eżitu bejn iż-żewġ miżuri.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 17.06.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024R1085
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.