Fejn offerta għal titoli tiġi indirizzata biss lil investituri kwalifikati kif iddefinit fil-punt (e) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
7
), il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni lil dawk l-investituri kwalifikati għall-għanijiet ta’ negozjar tat-termini u kundizzjonijiet kuntrattwali tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ħruġ ta’ bonds minn emittent li jkollu strumenti finanzjarji ammessi għall-kummerċ f’ċentru ta’ negozjar, jew minn kwalunkwe persuna li taġixxi f’ismu jew akkont tiegħu, ma għandhiex tikkostitwixxi sondaġġ tas-suq. Tali komunikazzjoni għandha titqies li ssir fit-twettiq normali ta’ impjieg, professjoni jew dmirijiet ta’ persuna kif previst fl-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament, u b’hekk ma għandhiex tikkostitwixxi żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata. Dak l-emittent jew kwalunkwe persuna li taġixxi f’ismu jew akkont tiegħu għandu jiżgura li l-investituri li jkunu qed jirċievu l-informazzjoni jkunu konxji ta’, u jirrikonoxxu bil-miktub, id-dmirijiet legali u regolatorji involuti u jkunu konxji mis-sanzjonijiet applikabbli għall-abbuż ta’ informazzjoni privileġġata u żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata.