+Preamble: 1
|
Preamble: 1
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 83(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),
Billi:
|
(1)
|
Suq finanzjarju integrat u effiċjenti u fiduċja akbar tal-investituri jeħtieġu integrità tas-suq. Il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli u l-fiduċja tal-pubbliku fis-swieq huma prerekwiżiti għat-tkabbir u l-ġid ekonomiku. L-abbuż tas-suq jagħmel ħsara lill-integrità tas-swieq finanzjarji u l-fiduċja tal-pubbliku fit-titoli, id-derivattivi u l-parametri ta’ referenza.
|
|
(2)
|
Id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) ikkompletat u aġġornat il-qafas legali tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-integrità tas-suq. Din esiġiet ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jikxfu u jinvestigaw abbuż tas-suq. Mingħajr ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jimponu sanzjonijiet kriminali, id-Direttiva 2003/6/KE esiġiet ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li jkunu jistgħu jittieħdu miżuri amministrattivi xierqa jew li jiġu imposti sanzjonijiet amministrattivi kontra l-persuni responsabbli għal ksur tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik id-Direttiva.
|
|
(3)
|
Ir-rapport tal-25 ta’ Frar 2009 mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Sorveljanza Finanzjarja fl-UE, ippresedut minn Jacques de Larosière (il-‘Grupp de Larosière’), irrakkomanda li tmexxija prudenzjali tajba tal-qafas tan-negozju għas-settur finanzjarju trid tkun ibbażata fuq sistemi b’saħħithom ta’ sorveljanza u sanzjonar. Għal dak il-għan, il-Grupp de Larosière ħass li l-awtoritajiet superviżorji jrid ikollhom setgħat suffiċjenti sabiex jaġixxu u li għandu jkun hemm ukoll sanzjonijiet ugwali, b’saħħithom u ta’ deterrent kontra r-reati kollha finanzjarji, sanzjonijiet li għandhom jiġu infurzati b’mod effettiv sabiex tiġi preservata l-integrità tas-suq. Il-Grupp de Larosière kkonkluda li s-sistemi tas-sanzjonar tal-Istati Membri huma b’mod ġenerali dgħajfa u eteroġenji.
|
|
(4)
|
Qafas leġislattiv li jiffunzjona sewwa fir-rigward tal-abbuż tas-suq jeħtieġ infurzar effettiv. Evalwazzjoni tas-sistemi nazzjonali għas-sanzjonijiet amministrattivi skont id-Direttiva 2003/6/KE wriet li mhux l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kollha kellhom sett sħiħ ta’ setgħat għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li jistgħu jirrispondu għall-abbużi tas-suq bis-sanzjoni xierqa. B’mod partikolari, mhux l-Istati Membri kollha kienu pprevedew sanzjonijiet pekunarji għall-abbuż minn informazzjoni privileġġata u għall-manipulazzjoni tas-suq, u l-livell tas-sanzjonijiet kien ivarja b’mod estensiv bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, jinħtieġ att leġislattiv ġdid sabiex jiġu żgurati regoli minimi komuni madwar l-Unjoni.
|
|
(5)
|
L-adozzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi mill-Istati Membri, irriżultat sal-lum, bħala insuffiċjenti sabiex tkun żgurata l-konformità mar-regoli dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq.
|
|
(6)
|
Huwa essenzjali li l-konformità mar-regoli dwar l-abbuż tas-suq tiġi msaħħa permezz tad-disponibbiltà ta’ sanzjonijiet kriminali li juru forma aktar b’saħħitha ta’ diżapprovazzjoni soċjali meta mqabbla ma’ penali amministrattivi. L-istabbiliment ta’ reati kriminali għall-inqas għal forom serji ta’ abbuż tas-suq jistabbilixxi limiti ċari għat-tipi ta’ mġiba li hija meqjusa bħala partikolarment inaċċettabbli u jibgħat messaġġ lill-pubbliku u li trasgressuri potenzjali li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu din l-imġieba bis-serjetà ħafna.
|
|
(7)
|
Mhux l-Istati Membri kollha pprovdew għal sanzjonijiet kriminali għal xi forom ta’ ksur serju tal-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 2003/6/KE. Approċċi differenti mill-Istati Membri jimminaw l-uniformità tal-kundizzjonijiet tal-operat fis-suq intern u jistgħu jipprovdu inċentiv għall-persuni biex iwettqu abbuż tas-suq fi Stati Membri li ma jipprovdux għal sanzjonijiet kriminali għal dawn ir-reati. Barra minn hekk, ma kien hemm, sal-lum, l-ebda fehim madwar l-Unjoni kollha tal-imġieba li hija kkunsidrata li tikkostitwixxi ksur serju tar-regoli dwar l-abbuż tas-suq. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli minimi fir-rigward tat-tifsira ta’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi, ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi u s-sanzjonijiet rilevanti. Regoli minimi komuni għandhom ukoll jagħmluha possibbli li jintużaw metodi aktar effettivi ta’ investigazzjoni u kooperazzjoni aktar effettiva fi ħdan u bejn l-Istati Membri. Fid-dawl ta’ dak li seħħ wara l-kriżi finanzjarja, hu evidenti li l-manipolazzjoni tas-suq għandha potenzjal għal ħsara mifruxa fuq ħajjet miljuni ta’ nies. L-iskandlu Libor, li kien jikkonċerna każ serju ta’ manipulazzjoni ta’ parametru ta’ referenza, wera li l-problemi rilevanti u l-lakuni għandhom impatt serju fuq il-fiduċja tas-suq u jistgħu jirriżultaw f’telf sinifikanti għall-investituri u f’distorsjonijiet tal-ekonomija reali. In-nuqqas ta’ reġimi komuni ta’ sanzjonijiet kriminali fl-Unjoni kollha joħloq opportunitajiet għall-awturi ta’ abbuż fis-suq biex dawn jieħdu vantaġġ minn reġimi anqas stretti f’xi Stati Membri. L-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali għal-abbuż tas-suq se jkollha effett deterrenti miżjud fuq perpetraturi potenzjali.
|
|
(8)
|
L-introduzzjoni mill-Istati Membri kollha ta’ sanzjonijiet kriminali għall-inqas għal reati serji ta’ abbuż tas-suq, għalhekk hija essenzjali sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-abbuż tas-suq.
|
|
(9)
|
Sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jkun allinjat ma’ dak tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), in-negozjar f’ishma proprji fi programmi ta’ riakkwisti u n-negozjar ta’ titoli jew strumenti assoċjati għall-istabilizzazzjoni ta’ titoli; tranżazzjonijiet, ordnijiet jew imġiba segwitu tal-politika monetarja, ta’ rata tal-kambju jew ta’ ġestjoni tad-dejn pubbliku; attivitajiet li jikkonċernaw il-kwoti ta’ emissjonijiet sabiex titwettaq il-politika tal-Unjoni dwar il-klima; u attivitajiet imwettqa b’segwitu għall-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd tal-Unjoni, għandhom ikunu eżentati minn din id-Direttiva.
|
|
(10)
|
L-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jipprevedu li għall-inqas każijiet serji ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata, manipulazzjoni tas-suq u l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata li jikkostitwixxu reati kriminali meta jitwettqu b’mod intenzjonali.
|
|
(11)
|
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata għandhom jitqiesu serji f’każijiet bħal dawk meta l-impatt fuq l-integrità tas-suq, il-profitt reali jew potenzjali li jkun sar jew it-telf li jkun ġie evitat, il-livell ta’ ħsara kkawżata lis-suq, jew il-valur ġenerali tal-istrumenti finanzjarji nnegozjati jkun kbir. Ċirkostanzi oħra li jistgħu jitqiesu huma, pereżempju, fejn reat ikun sar fi ħdan il-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali jew fejn is-suspettat jew il-konvenut huwa reċidiv.
|
|
(12)
|
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-manipulazzjoni tas-suq għandha titqies serja f’każijiet bħal dawk li fihom l-impatt fuq l-integrità tas-suq; il-profitt reali jew potenzjali li jkun sar jew it-telf li jkun ġie evitat, il-livell ta’ ħsara kkawżata lis-suq, il-livell tal-bidla tal-valur tal-istrument finanzjarju jew il-kuntratt spot tal-komoditajiet jew l-ammont ta’ fondi oriġinarjament użat ikun kbir jew fejn il-manipulazzjoni titwettaq minn persuna impjegata jew li taħdem fis-settur finanzjarju jew f’awtorità superviżorja jew regolatorja.
|
|
(13)
|
Minħabba l-effetti avversi ta’ tentattiv ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u t-tentattiv ta’ manipulazzjoni tas-suq fuq l-integrità tas-swieq finanzjarji u fuq il-fiduċja tal-investituri f’dawk is-swieq, dawk il-forom ta’ mġiba għandhom ikunu punibbli wkoll bħala reat kriminali.
|
|
(14)
|
Din id-Direttiva għandha tobbliga lill-Istati Membri biex, fil-liġi nazzjonali tagħhom jipprevedu pieni kriminali fir-rigward ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata, manipulazzjoni tas-suq u żvelar mhux xieraq ta’ informazzjoni privileġġata li għalihom tapplika din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma għandhiex toħloq obbligi fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ tali pieni jew ta’ kwalunkwe sistema oħra disponibbli tal-infurzar tal-liġi, għal każijiet individwali.
|
|
(15)
|
Din id-Direttiva għandha tesiġi wkoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-kompliċità sabiex jitwettqu r-reati kriminali jkunu wkoll punibbli.
|
|
(16)
|
Sabiex is-sanzjonijiet għar-reati msemmija f’din id-Direttiva jkunu effettivi u dissważivi, f’din id-Direttiva għandu jiġi stabbilit livell minimu għaż-żmien massimu ta’ priġunerija.
|
|
(17)
|
Din id-Direttiva għandha tiġi applikata billi jitqies il-qafas legali stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.
|
|
(18)
|
Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-politika Ewropea għall-iżgurar tal-integrità tas-swieq finanzjarji stipulata fir-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-Istati Membri għandhom jestendu r-responsabbiltà għar-reati previsti f’din id-Direttiva għal persuni ġuridiċi, permezz tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali jew mhux kriminali jew miżuri oħra li huma effettivi, proporzjonati u diżważivi, pereżempju dawk previsti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014. Tali sanzjonijiet jew miżuri oħra jistgħu jinkludu wkoll il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar sanzjoni, inkluża l-identità tal-persuna ġuridika responsabbli, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet fundamentali, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u r-riskji għall-istabilità tas-swieq finanazjarji u l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. L-Istati Membri għandhom, fejn ikun xieraq u meta l-liġi nazzjonali tipprevedi responsabbiltà kriminali għall-persuni ġuridiċi, jestendu tali responsabbiltà kriminali, b’konformità mal-liġi nazzjonali, għar-reati previsti f’din id-Direttiva. Din id-Direttiva m’għandhiex twaqqaf lill-Istati Membri milli jippubblikaw deċiżjonijiet finali dwar responsabbiltà jew sanzjonijiet.
|
|
(19)
|
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħra responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati previsti f’din id-Direttiva jkollhom il-kapaċità li jużaw għodda investigattivi effettivi. B’kont meħud, inter alia, tal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-użu ta’ għodod bħal dawn b’konformità mal-liġi nazzjonali għandu jkun proporzjonat man-natura u l-gravità tar-reati taħt investigazzjoni.
|
|
(20)
|
Billi din id-Direttiva tipprovdi għal regoli minimi, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw jew iżommu regoli aktar strinġenti tal-liġi kriminali għall-abbuż tas-suq.
|
|
(21)
|
L-Istati Membri jistgħu, pereżempju, jipprevedu li l-manipulazzjoni tas-suq li sseħħ bi traskuraġni jew b’negliġenza serja tikkostitwixxi reat kriminali.
|
|
(22)
|
L-obbligi li f’din id-Direttiva li jiġu previsti pieni fuq persuni fiżiċi u sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi fil-liġi nazzjonali tagħhom ma jeżentawx lill-Istati Membri mill-obbligu li jipprevedu fil-liġi nazzjonali għal sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra għall-ksur previst fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 ħlief jekk l-Istati Membri jkunu ddeċidew, b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014, li jipprevedi biss sanzjonijiet kriminali għal tali ksur fil-liġi nazzjonali tagħhom.
|
|
(23)
|
Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva huwa determinat b’tali mod li jikkomplementa u jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 596/2014. Billi r-reati għandhom ikunu punibbli skont din id-Direttiva meta jitwettqu b’intenzjoni u għall-inqas f’każijiet serji, is-sanzjonjiet għall-ksur tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma jirrikjedux li l-intenzjoni tiġi ppruvata jew li jiġu kkwalifikati bħala serji. Fl-applikazzjoni tal- liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali abbażi tar-reati previsti minn din id-Direttiva u tas-sanzjonijiet amministrattivi b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma twassalx għal ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.
|
|
(24)
|
Mingħajr ħsara għar-regoli ġenerali tal-liġi kriminali nazzjonali dwar l-applikazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi b’konformità maċ-ċirkostanzi konkreti f’kull każ individwali, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għandha tkun proporzjonali u tieħu kont tal-profitti magħmula jew it-telf evitat minn persuni miżmuma responabbli, kif ukoll id-dannu li jirriżulta mir-reat għal persuni oħra u, fejn applikabbli, id-dannu għall-funzjonament tas-swieq jew l-ekonomija b’mod ġenerali.
|
|
(25)
|
Billi l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiżgura d-disponibilità ta’ sanzjonijiet kriminali għall-inqas għal abbużi serji tas-suq madwar l-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjaretà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa (TUE). Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dik id-Direttiva, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.
|
|
(26)
|
Iż-żieda ta’ attivitajiet transkonfinali tirrikjedi kooperazzjoni effiċjenti u effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali li huma kompetenti għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ abbuż tas-suq. L-organizzazzjoni u l-kompetenza ta’ dawk l-awtoritajiet nazzjonanli fl-Istati Membri differenti m’għandhomx ixekklu l-kooperazzjoni tagħhom.
|
|
(27)
|
Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) kif stabbiliti fit-TFUE. B’mod speċifiku, hija għandha tiġi applikata bir-rispett dovut għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8), il-libertà tal-espressjoni u informazzjoni (Artikolu 11), il-libertà tal-intrapriża (Artikolu 16), id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (Artikolu 47), il-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt għad-difiża (Artikolu 48), il-prinċipji ta’ legalità u proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni (Artikolu 49) u d-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat (Artikolu 50).
|
|
(28)
|
Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Isttai Membri għandhom jiżguraw id-drittijiet proċedurali tal-persuni ssusspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. L-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva huma mingħajr ħsara għall-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni dwar drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali. Xejn f’din id-Direttiva ma huwa maħsub biex jirrestrinġi l-libertà tal-istampa jew il-libertà tal-espressjoni fil-mezzi tal-informazzjoni peress li dawn huma garantiti fl-Unjoni u fl-Istati Membri, b’mod partikolari skont l-Artikolu 11 tal-Karta u dispożizzjonijiet rilevanti oħra. Dan għandu jiġi enfasizzat b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-iżvelar ta’ informazzjoni privileġġata skont id-dispożizzjonijiet dwar tali żvelar f’din id-Direttiva.
|
|
(29)
|
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward taż-żona ta’ libertà, sigurtà, u ġustizzja, anness għat-TUE u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-Renju Unit mhux ser jipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.
|
|
(30)
|
F’konformita mal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u għat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
|
|
(31)
|
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u għat-TFUE, id-Danimarka mhix tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u għalhekk mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
|
|
(32)
|
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta opinjoni fl-10 ta’ Frar 2012 (6),
|
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ April 2014.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
M. SCHULZ
Għall-Kunsill
Il-President
D. KOURKOULAS
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 12.06.2014 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014L0057
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|