|
+Artikolu 77b 1. |
Artikolu 77b 1.L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistgħu japplikaw aġġustament ta' korrispondenza għall-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju biex jikkalkolaw l-aħjar stima ta' portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni tal-ħajja u tar-riassigurazzjoni, inklużi l-annwalitajiet li jirriżultaw minn kuntratti tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja u riassigurazzjonijiet soġġetti għal approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet superviżorji fejn jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)
l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun assenjat portafoll ta' assi, li jikkonsistu f'bonds u assi oħrajn b'karatteristiċi simili ta' flussi ta' flus, biex tkopri l-aħjar stima tal-portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u żżomm dik l-assenjazzjoni sakemm idumu jeżistu dawk l-obbligi, ħlief għall-fini taż-żamma tar-replikazzjoni tal-flussi ta' flus mistennija bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet fejn il-flussi ta' flus ikunu nbidlu b'mod materjali;
(b)
il-portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li għalih huwa applikat l-aġġustament ta' korrispondenza u l-portafoll assenjat tal-assi huma identifikati, organizzati u mmaniġġjati separatament minn attivitajiet oħra tal-impriżi, u l-portafoll assenjat tal-assi ma jistax jintuża biex ikopri telf li jirriżulta minn attivitajiet oħra tal-impriżi;
(c)
il-flussi ta' flus mistennija tal-portafoll assenjat ta' assi jirrepplikaw kull wieħed mill-flussi ta' flus previsti tal-portafoll ta' obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fl-istess valuta u kwalunkwe nuqqas ta' korrispondenza ma joħloqx riskji li huma materjali fir-rigward tar-riskji inerenti fin-negozju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li għalih jiġi applikat aġġustament ta' korrispondenza;
(d)
il-kuntratti li fuqhom huwa bbażat il-portafoll tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jagħtux lok għal pagamenti ta' primjums futuri;
(e)
l-uniċi riskji ta' sottoskrizzjoni marbuta mal-portafoll ta' obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni huma r-riskju tal-lonġevità, ta' spiża, ta' reviżjoni u ta' mortalità;
(f)
fejn ir-riskju ta' sottoskrizzjoni marbut mal-portafoll tal-obbligazzjonijiet ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni jinkludi r-riskju tal-mortalità, l-aħjar stima tal-portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jiżdiedx b'aktar minn 5 % taħt stress tar-riskju tal-mortalità li hu kkalibrat skont l-Artikolu 101(2) sa (5);
(g)
il-kuntratti li fuqhom ikun ibbażat il-portafoll ta' obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jinkludu l-ebda opzjoni għad-detentur tal-polza jew opzjoni ta' ċessjoni biss fejn il-valur ta' ċessjoni ma jaqbiżx il-valur tal-assi, ivvalutati skont l-Artikolu 75, li jkopru l-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-mument li fih tiġi eżerċitata l-opzjoni taċ-ċessjoni;
(h)
il-flussi ta' flus tal-portafoll assenjat ta' assi huma fissi u ma jistgħux jinbidlu mill-emittenti tal-assi jew minn kwalunkwe parti terza;
(i)
l-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' kuntratt ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni mhumiex maqsumin f'partijiet differenti meta jiffurmaw il-portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni għall-fini ta' dan il-paragrafu. Minkejja l-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jistgħu jużaw assi fejn il-flussi tal-flus ikunu fissi ħlief għal dipendenza fuq l-inflazzjoni, sakemm dawk l-assi jirrepplikaw il-flussi tal-flus tal-portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jiddependu fuq l-inflazzjoni. Fil-każ li l-emittenti jew il-partijiet terzi jkollhom id-dritt li jibdlu l-flussi tal-flus ta' assi b'tali mod li l-investitur jirċievi kumpens suffiċjenti biex ikun jista' jikseb l-istess flussi tal-flus billi jerġa' jinvesti f'assi ta' kreditu ta' kwalità ekwivalenti jew aħjar, id-dritt li jibdlu l-flussi tal-flus m'għandux jiskwalifika l-assi għall-ammissibbiltà għall-portafoll assenjat skont il-punt (h) tal-ewwel subparagrafu. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|