Il-modulu ta’ riskju ta’ nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti għandu jirrifletti telf possibbli minħabba inadempjenza jew detorjorament fil-qagħda tal-kreditu li ma jkunux mistennija, tal-kontropartijiet u d-debituri ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tul it-12-il xahar li jsegwu. Il-modulu ta’ riskju ta’ nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti għandu jkopri kuntratti ta’ mitigazzjoni tar-riskju, bħal arranġamenti tar-riassigurazzjoni, titolizzazzjonijiet u derivattivi, u rkuprabbli minn intermedjarji, kif ukoll kull espożizzjoni ta’ kreditu li mhuwiex kopert mis-sottomodulu tar-riskju ta’ spread. Għandu jieħu kont xieraq tal-kollateral jew garanzija oħra miżmuma mill-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew f’isimha u r-riskji assoċjati magħhom.
Għal kull kontroparti, il-modulu ta’ riskju ta’ nuqqas tal-ħlas mill-kontroparti għandu jieħu kont tal-espożizzjoni kumplessiva għar-riskju tal-kontroparti tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata għal dik il-kontroparti, irrispettivament mill-forma ġuridika tal-obbligi kuntrattwali ta’ dik l-impriża.