1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikunu jistgħu jwieġbu f'waqthom għal talbiet motivati għal informazzjoni ġġustifikati minn tħassib relatat mal-ħasil tal-flus, ir-reati predikati tiegħu jew il-finanzjament tat-terroriżmu mill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (44)(c) u (d), tar-Regolament (UE) 2024/1624 fl-Istat Membru rispettiv tagħhom fejn dik l-informazzjoni tkun diġà miżmuma mill-FIU u tkun meħtieġa fuq bażi ta' każ b'każ. Id-deċiżjoni biex wieħed jipproċedi għad-disseminazzjoni tal-informazzjoni għandha tibqa' f'idejn l-FIU.
Meta jkun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jassumi li l-għoti ta' tali informazzjoni ser ikollu impatt negattiv fuq investigazzjonijiet jew fuq analiżijiet li jkunu għaddejjin, jew, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta d-divulgazzjoni tal-informazzjoni jkun kjarament sproporzjonat għall-interessi leġittimi ta' persuna fiżika jew ġuridika jew irrelevanti f'dak li għandu x'jaqsam mal-għanijiet li għalihom tkun intalbet, l-FIU ma għandhiex tkun obbligata li tosserva t-talba għall-informazzjoni.
F'każijiet bħal dawn, l-FIU għandha tipprovdi r-raġunijiet bil-miktub lill-awtorità rikjedenti.