Artikolu 42
Indipendenza
1. Kull Stat Membru għandu jipprevedi li kull awtorità superviżorja taġixxi b'indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha f'konformità ma' din id-Direttiva.
2. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-membru jew membri tal-awtoritajiet superviżorji tagħhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom f'konformità ma' din id-Direttiva, jibqgħu ħielsa minn influwenza esterna sew jekk tkun diretta jew indiretta, u li la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi ħadd.
3. Il-membri tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri għandhom joqogħdu lura minn xi azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom u ma għandhomx, matul il-mandat tagħhom, jagħmlu xi xogħol inkompatibbli ieħor, kemm jekk bi qligħ kif ukoll jekk le.
4. Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tiġi pprovduta bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji adegwati, il-bini u l-infrastruttura neċessarja għat-twettiq effettiv tal-kompiti u għall-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, inklużi dawk li jridu jitwettqu fil-kuntest ta' assistenza reċiproka, kooperazzjoni u parteċipazzjoni fil-Bord.
5. Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tagħżel u jkollha l-persunal tagħha stess li għandu jkun soġġett għad-direzzjoni esklużiva tal-membru jew il-membri tal-awtorità superviżorja kkonċernata.
6. Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tkun soġġetta għal kontroll finanzjarju li ma jaffettwax l-indipendenza tagħha u li jkollha baġits annwali separati, pubbliċi li jistgħu jkunu parti mill-baġit globali tal-istat jew nazzjonali.