Artikolu 46
Kompiti
1. Kull Stat Membru għandu jipprovdi, fuq it-territorju tiegħu, li kull awtorità superviżorja:
(a) tissorvelja u tinforza l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha;
(b) tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar;
(c) tagħti pariri, skont il-liġi tal-Istat Membru, lill-Parlament nazzjonali, lill-gvern, u lil istituzzjonijiet u korpi oħrajn dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi marbutin mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar;
(d) tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-kontrolluri u l-proċessuri tal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva;
(e) fuq talba, tipprovdi informazzjoni lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu taħt din id-Direttiva u, jekk xieraq, tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji fi Stati Membri oħra għal dak il-għan;
(f) tindirizza l-ilmenti mressqa minn suġġett tad-data, jew minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni f'konformità mal-Artikolu 55, u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni fi żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' xi awtorità superviżorja oħra;
(g) tiċċekkja l-legalità tal-ipproċessar skont l-Artikolu 17, u tinforma lis-suġġett tad-data fi żmien raġonevoli dwar l-eżitu tal-iċċekkjar skont il-paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu jew dwar ir-raġunijiet għaliex l-iċċekkjar ma jkunx sar;
(h) tikkoopera, inkluż billi tikkondividi l-informazzjoni u tipprovdi assistenza reċiproka, ma' awtoritajiet superviżorji oħra, bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' din id-Direttiva;
(i) twettaq investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż abbażi ta' informazzjoni li taslilha mingħand awtorità superviżorja jew awtorità pubblika oħra;
(j) tissorvelja żviluppi rilevanti, sa fejn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;
(k) tipprovdi parir dwar l-operazzjonijiet ta' pproċessar imsemmija fl-Artikolu 28; u
(l) tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Bord.
2. Kull awtorità superviżorja għandha tiffaċilita t-tressiq ta' lmenti msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1, permezz ta' miżuri bħal li tiġi pprovduta formola għat-tressiq ta' lment, li tista' timtela wkoll b'mod elettroniku, mingħajr ma jkunu esklużi mezzi oħrajn ta' komunikazzjoni.
3. It-twettiq tal-kompiti ta' kull awtorità superviżorja għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-data u għall-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data.
4. Meta talba tkun manifestament bla bażi jew eċċessiva, b'mod partikolari tkun ripetittiva, l-awtorità superviżorja tista' timponi ħlas raġonevoli bbażat fuq spejjeż amministrattivi, jew tista' tirrifjuta li taġixxi fuq it-talba. L-awtorità superviżorja għandha terfa' r-responsabbiltà li turi li t-talba hi manifestament bla bażi jew eċċessiva tat-talba.