4. Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv jistgħu jipproponu lil investituri individwali proġetti ta' finanzjament kollettiv speċifiċi li jikkorrispondu ma' wieħed jew aktar mill-parametri speċifiċi jew mill-indikaturi tar-riskju magħżula mill-investitur. Fejn l-investitur jixtieq jagħmel investiment fil-proġetti ta' finanzjament kollettiv suġġeriti, l-investitur għandu jirrieżamina u espressament jieħu deċiżjoni ta' investiment fir-rigward ta' kull offerta individwali ta' finanzjament kollettiv.
Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv li jipprovdu ġestjoni tal-portafoll individwali ta' self għandhom jagħmlu dan f'konformità mal-parametri pprovduti mill-investituri u għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiksbu l-aħjar riżultat possibbli għal dawn l-investituri. Il-fornituri ta' servizzi ta' finanzjament kollettiv għandhom jiddivulgaw lill-investituri l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-mandat diskrezzjonali riċevut.