1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw ma' xulxin għall-finijiet ta' dan ir-Regolament. Huma għandhom jiskambjaw l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed u jikkooperaw f'attivitajiet ta' investigazzjoni, superviżjoni u ta' infurzar.
Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, f'konformità mal-Artikolu 39(1), li jistipulaw penali kriminali għall-ksur ta' dan ir-Regolament, huma għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri xierqa fis-seħħ sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat meħtieġa kollha biex ikollhom kuntatt mal-awtoritajiet ġudizzjarji, tal-prosekuzzjoni jew tal-ġustizzja kriminali fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika marbuta ma' investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali mibdija fir-rigward tal-ksur ta' dan ir-Regolament, u biex jipprovdu l-istess informazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħrajn kif ukoll lill-ESMA, sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom ta' kooperazzjoni għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.