+Artikolu 2
---+Artikolu 2 1.
---+Artikolu 2 2.

Artikolu 2

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 2 1.

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(1) 

“distribuzzjoni tal-assigurazzjoni” tfisser l-attivitajiet ta’ konsulenza, proposti jew it-twettiq ta’ xogħol ieħor preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, ta’ konklużjoni ta’ tali kuntratti, jew ta’ għajnuna fl-amministrazzjoni jew prestazzjoni ta’ dawk il-kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ pretensjoni, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni li tikkonċerna kuntratt tal-assigurazzjoni wieħed jew aktar skont il-kriterji magħżula mill-klijenti permezz ta’ websajt jew tip ieħor ta’ midja u l-kompilazzjoni ta’ lista tal-klassifika ta’ prodotti tal-assigurazzjoni, inkluż tqabbil bejn il-prezzijiet u bejn il-prodotti, jew tnaqqis fil-prezz ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni, meta l-klijent ikun jista’ jikkonkludi direttament jew indirettament kuntratt tal-assigurazzjoni bl-użu ta’ websajt jew tip ieħor ta’ midja;

(2) 

“distribuzzjoni tar-riassigurazzjoni” tfisser l-attivitajiet ta’ konsulenza, proposti jew twettiq ta’ xogħol ieħor preparatorju għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ riassigurazzjoni, ta’ konklużjoni ta’ tali kuntratti, jew ta’ għajnuna fil-ġestjoni u l-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti, b’mod partikolari fil-każ ta’ pretensjoni, inkluż meta mwettqa minn impriża tar-riassugurazzjoni mingħajr l-intervent ta’ intermedjarju tar-riassigurazzjoni;

(3) 

“intermedjarju tal-assigurazzjoni” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika għajr impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jew l-impjegati tagħhom u li ma tkunx intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari, li għal fini ta’ rimunerazzjoni tibda jew twettaq attività ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni;

(4) 

“intermedjarju tal-assigurazzjoni anċillari” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, għajr istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment kif definiti fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), li għal fini ta’ rimunerazzjoni tibda jew twettaq attività ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni fuq bażi anċillari, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin;

(a) 

l-attività professjonali ewlenija ta’ dik il-persuna fiżika jew ġuridika ma tkunx id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni;

(b) 

il-persuna fiżika jew ġuridika tqassam biss ċerti prodotti tal-assigurazzjoni li jikkumplementaw prodott jew servizz;

(c) 

il-prodotti tal-assigurazzjoni kkonċernati ma jkoprux assigurazzjoni fuq il-ħajja jew riskji ta’ responsabbiltà, sakemm dik il-kopertura ma tikkumplementax il-prodott jew is-servizz li l-intermedjarju joffri bħala l-attività professjonali ewlenija tiegħu;

(5) 

“intermedjarju tar-riassigurazzjoni” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, għajr impriża tar-riassigurazzjoni jew l-impjegati tagħha, li, bi ħlas, tibda jew issegwi l-attività ta’ distribuzzjoni tar-riassigurazzjoni;

(6) 

“impriża tal-assigurazzjoni” tfisser impriża kif definita fl-Artikolu 13, il-punt 1 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

(7) 

“impriża tar-riassigurazzjoni” tfisser impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fl-Artikolu 13, il-punt 4 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(8) 

“distributur tal-assigurazzjoni” tfisser kull intermedjarju tar-riassigurazzjoni, intermedjarju tar-riassigurazzjoni anċillari jew impriża tal-assigurazzjoni;

(9) 

“rimunerazzjoni” tfisser kull kummissjoni, tariffa, imposta jew ħlas ieħor, inkluż kwalunkwe tip ta’ benefiċċju ekonomiku jew vantaġġ jew inċentiv finanzjarju u mhux finanzjarju ieħor, li jiġi offrut jew jingħata fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ distribuzzjoni tal-assigurazzjoni;

(10) 

“Stat Membru tad-domiċilju” tfisser:

(a) 

fejn l-intermedjarju huwa persuna fiżika, l-Istat Membru li fih tinsab ir-residenza tiegħu jew tagħha;

(b) 

fejn l-intermedjarju jkun persuna ġuridika, l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju reġistrat tiegħu jew, jekk skont il-liġi nazzjonali tiegħu ma jkollu l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħu;

(11) 

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru li fih intermedjarju tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jkollu preżenza jew stabbiliment permanenti jew jipprovdi servizzi, u li mhuwiex l-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu;

(12) 

“fergħa” tfisser aġenzija jew fergħa ta’ intermedjarju li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru tad-domiċilju;

(13) 

“rabtiet mill-qrib” tfisser rabtiet mill-qrib kif definita fl-Artikolu 13, il-punt 17 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(14) 

“post ewlieni tan-negozju” tfisser il-post mnejn jiġi ġġestit in-negozju ewlieni;

(15) 

“konsulenza” tfisser l-għoti ta’ rakkomandazzjoni personali lil klijent, jew fuq talba tiegħu jew b’inizjattiva tad-distributur tal-assigurazzjoni, fir-rigward ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni wieħed jew aktar;

(16) 

“riskji kbar” tfisser riskji kbar kif definit fl-Artikolu 13, il-punt 27 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(17) 

“prodott ta’ investiment fl-assigurazzjoni” tfisser prodott tal-assigurazzjoni li joffri valur ta’ maturità jew ta’ ċessjoni u fejn il-valur ta’ maturità jew ta’ ċessjoni ikun espost kompletament jew parzjalment, b’mod dirett jew indirett għal varjazzjonijiet fis-suq, u li ma jinkludix:

(a) 

prodotti tal-assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja, kif elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 2009/138/KE (Klassijiet ta’ Assigurazzjoni mhux fuq il-Ħajja);

(b) 

kuntratti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja fejn il-benefiċċji skont il-kuntratt jitħallsu biss mal-mewt jew fir-rigward ta’ inkapaċità minħabba korriment, mard jew diżabilità;

(c) 

prodotti tal-pensjoni li, skont il-liġi nazzjonali, ikunu rikonoxxuti li għandhom l-għan ewlieni li jipprovdu lill-investitur bi dħul wara li jirtira, u li jintitolaw lill-investitur għal ċerti benefiċċji;

(d) 

skemi għall-pensjoni okkupazzjonali rikonoxxuti uffiċjalment li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE jew id-Direttiva 2009/138/KE;

(e) 

prodotti tal-pensjoni individwali li skont il-liġi nazzjonali jkunu jeħtieġu kontribuzzjoni finanzjarja minn min iħaddem, u li għalihom min iħaddem jew l-impjegat ma jkollux għażla fir-rigward tal-prodott tal-pensjoni jew il-fornitur;

(18) 

“mezz durabbli” tfisser kwalunkwe strument li:

(a) 

jippermetti lil klijent jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dak il-klijent b’mod li tkun aċċessibbli għal referenza futura u għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni; u

(b) 

jippermetti r-riproduzzjoni bla tibdil tal-informazzjoni maħżuna.

Artikolu 2 2.

Għall-finijiet tal-punti (1) u (2) tal-paragrafu 1, dan li ġej ma għandux jitqies li jikkostitwixxi distribuzzjoni tal-assigurazzjoni jew distribuzzjoni tar-riassigurazzjoni:

(a) 

l-għoti ta’ informazzjoni fuq bażi inċidentali fil-kuntest ta’ attività oħra professjonali fejn:

(i) 

il-fornitur ma jieħu l-ebda pass addizzjonali sabiex jassisti fil-konklużjoni jew fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni;

(ii) 

l-iskop ta’ dik l-attività ma jkunx li jassisti lill-klijent fil-konklużjoni jew fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ riassigurazzjoni;

(b) 

il-ġestjoni tal-pretensjonijiet ta’ impriża tal-assigurazzjoni jew ta’ impriża tar-riassigurazzjoni fuq bażi professjonali, u l-aġġustament tat-telf u l-valutazzjoni esperta tal-pretensjonijiet;

(c) 

is-sempliċi provvista ta’ data u informazzjoni dwar detenturi potenzjali ta’ poloz lil intermedjarji tal-assigurazzjoni, intermedjarji tar-riassigurazzjoni, impriżi tal-assigurazzjoni jew impriżi tar-riassigurazzjoni, fejn il-fornitur ma jieħu l-ebda pass addizzjonali sabiex jassisti fil-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(d) 

is-sempliċi għoti ta’ informazzjoni dwar prodotti tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, intermedjarju tal-assigurazzjoni, intermedjarju tar-riassigurazzjoni, impriża tal-assigurazzjoni jew impriża tar-riassigurazzjoni lil detenturi potenzjali ta’ poloz, fejn il-fornitur ma jieħu l-ebda pass addizzjonali sabiex jassisti fil-konklużjoni ta’ kuntratt tal-assigurazzjoni jew kuntratt tar-riassigurazzjoni.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 09.10.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32016L0097
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.