Sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju ma jkollhiex raġunijiet li tiddubita l-adegwatezza tal-istruttura organizzattiva jew il-qagħda finanzjarja tal-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari, b’kunsiderazzjoni tal-attivitajiet ta’ distribuzzjoni fil-mira, għandha tikkomunika dik l-informazzjoni fi żmien xahar mindu tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li min-naħa tagħha għandha tinnotifika li tkun irċevietha mingħajr dewmien. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tinforma lill-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari bil-miktub, li l-informazzjoni tkun ġiet riċevuta mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti.
Fi żmien xahar minn meta tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tikkomunika d-dispożizzjonijiet ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 11(1) permezz tal-modi msemmija fl-Artikolu 11(3) u (4) li huma applikabbli fit-territorju tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandu jikkomunika dik l-informazzjoni lill-intermedjarju u jinforma l-intermedjarju li jkun jista’ jibda bin-negozju tiegħu fl-Istat Membru ospitanti jekk ikun jikkonforma ma’ dawk id-dispożizzjonijiet ġuridiċi.
Fejn ma tasal l-ebda komunikazzjoni fi żmien il-perjodu previst fit-tieni subparagrafu, l-intermedjarju tal-assigurazzjoni, tar-riassigurazzjoni jew tal-assigurazzjoni anċillari jista’ jistabbilixxi l-fergħa u jibda n-negozju tiegħu.