6. Meta ssir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 5, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-ESMA tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-investigazzjonijiet. Meta tivverifika l-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari dawk relatati mar-raġunijiet li l-ESMA jkollha biex tissuspetta li jkun sar ksur ta’ dan ir-Regolament, s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrieżamina l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tingħata l-informazzjoni dwar il-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami biss mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.