+Artikolu 11 Temm tal-impatti negattivi reali
---+Artikolu 11 1.
---+Artikolu 11 2.
---+Artikolu 11 3.
---+Artikolu 11 4.
---+Artikolu 11 5.
---+Artikolu 11 6.
---+Artikolu 11 7.
|
Artikolu 11 Temm tal-impatti negattivi reali
1. Ħarsa ġenerali
| Titlu |
Regolamentazzjoni |
|
Artikolu 11 1.
|
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex itemmu l-impatti negattivi reali li ġew, jew li kellhom jiġu, identifikati skont l-Artikolu 8, f’konformità mal-Artikolu 9 u ma’ dan l-Artikolu. Biex jiġu ddeterminati l-miżuri xierqa msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandu jittieħed kont debitu ta’:
(a)
jekk l-impatt negattiv reali huwiex ikkawżat biss mill-kumpanija; jekk huwiex ikkawżat b’mod konġunt mill-kumpanija u minn sussidjarja jew sieħeb kummerċjali, permezz ta’ atti jew ommissjonijiet; jew jekk huwiex ikkawżat biss minn sieħeb kummerċjali tal-kumpanija fil-katina ta’ attivitajiet;
(b)
jekk l-impatt negattiv reali seħħx fl-operazzjonijiet ta’ sussidjarja, sieħeb kummerċjali dirett jew sieħeb kummerċjali indirett; u
(c)
il-kapaċità tal-kumpanija li tinfluwenza lis-sieħeb kummerċjali li kkawża jew ikkawża b’mod konġunt l-impatt negattiv reali.
|
|
Artikolu 11 2.
|
Meta l-impatt negattiv ma jkunx jista’ jintemm immedjatament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jimminimizzaw il-firxa ta’ dak l-impatt.
|
|
Artikolu 11 3.
|
Il-kumpaniji għandhom ikunu meħtieġa jieħdu l-miżuri xierqa li ġejjin, fejn rilevanti:
(a)
jinnewtralizzaw l-impatt negattiv jew jimminimizzaw il-firxa tiegħu; tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati għas-severità tal-impatt negattiv u għall-implikazzjoni tal-kumpanija fl-impatt negattiv;
(b)
meta jkun meħtieġ minħabba l-fatt li l-impatt negattiv ma jkunx jista’ jintemm minnufih, mingħajr dewmien żejjed, jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni korrettiva bi skedi ta’ żmien raġonevoli u definiti b’mod ċar għall-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa u indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għall-kejl tat-titjib; il-kumpaniji jistgħu jiżviluppaw il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom f’kooperazzjoni mal-inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati; il-pjan ta’ azzjoni korrettiva għandu jkun adattat għall-operazzjonijiet u l-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji;
(c)
ifittxu li jiksbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali dirett li jkun se jiżgura konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija u, kif meħtieġ, ma’ pjan ta’ azzjoni korrettiva, inkluż billi jistabbilixxi assigurazzjonijiet kuntrattwali korrispondenti mingħand is-sħab tiegħu, sal-punt li l-attivitajiet tagħhom ikunu parti mill-katina ta’ attivitajiet tal-kumpanija; meta jinkisbu tali assigurazzjonijiet kuntrattwali bħal dawn, għandu japplika l-paragrafu 6;
(d)
jagħmlu l-investimenti finanzjarji jew mhux finanzjarji, l-aġġustamenti jew it-titjib meħtieġa, pereżempju tal-faċilitajiet, il-produzzjoni jew proċessi u infrastrutturi operazzjonali oħra;
(e)
jagħmlu l-modifiki jew it-titjib meħtieġ tal-pjan kummerċjali, l-istrateġiji u l-operazzjonijiet ġenerali tal-kumpanija stess, inkluż il-prattiki ta’ xiri, id-disinn u l-prattiki ta’ distribuzzjoni;
(f)
jipprovdu appoġġ immirat u proporzjonat lil SME li tkun sieħeb kummerċjali tal-kumpanija, fejn meħtieġ fid-dawl tar-riżorsi, l-għarfien u l-limitazzjonijiet tal-SME, inkluż billi jipprovdu jew jippermettu aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, għat-taħriġ jew għat-titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni, u, meta l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta jew mal-pjan ta’ azzjoni korrettiva tipperikola l-vijabbiltà tal-SME, billi jipprovdu appoġġ finanzjarju mmirat u proporzjonat, bħal finanzjament dirett, self b’imgħax baxx, garanziji ta’ akkwist kontinwu, jew assistenza fl-iżgurar tal-finanzjament;
(g)
f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt tal-kompetizzjoni, jikkollaboraw ma’ entitajiet oħrajn, inkluż, meta rilevanti, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-kumpanija li ġġib fi tmiemu l-impatt negattiv jew timminimizza l-firxa tiegħu, b’mod partikolari meta l-ebda miżura oħra ma tkun xierqa jew effettiva;
(h)
jipprovdu rimedju f’konformità mal-Artikolu 12.
|
|
Artikolu 11 4.
|
Il-kumpaniji jistgħu jieħdu, meta rilevanti, miżuri xierqa flimkien mal-miżuri elenkati fil-paragrafu 3, bħall-involviment ma’ sieħeb kummerċjali dwar l-aspettattivi tal-kumpanija fir-rigward tat-temma tal-impatti negattivi reali jew tal-minimizzazzjoni tal-firxa tagħhom, jew billi jipprovdu jew jippermettu aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, gwida, appoġġ amministrattiv u finanzjarju bħal self jew finanzjament, filwaqt li jqisu r-riżorsi, l-għarfien u l-limitazzjonijiet tas-sieħeb kummerċjali.
|
|
Artikolu 11 5.
|
Fir-rigward tal-impatti negattivi reali li ma setgħux jintemmu jew li l-firxa tagħhom ma setgħetx tiġi minimizzata b’mod adegwat mill-miżuri xierqa elenkati fil-paragrafu 3, il-kumpanija tista’ tfittex li tikseb assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali indirett, bil-għan li tinkiseb konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija jew ma’ pjan ta’ azzjoni korrettiva. Meta jinkisbu tali assigurazzjonijiet kuntrattwali, għandu japplika l-paragrafu 6.
|
|
Artikolu 11 6.
|
L-assigurazzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (c), u fil-paragrafu 5, għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri xierqa biex tiġi vverifikata l-konformità. Għall-finijiet tal-verifika tal-konformità, il-kumpanija tista’ tirreferi għal verifika minn parti terza indipendenti, inkluż permezz ta’ inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati. Meta jinkisbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn SME, jew jiġi konkluż kuntratt ma’ SME, it-termini użati għandhom ikunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. Il-kumpanija għandha tivvaluta wkoll jekk l-assigurazzjonijiet kuntrattwali ta’ SME għandhomx ikunu akkumpanjati minn kwalunkwe waħda mill-miżuri xierqa għall-SMEs imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (f). Meta jitwettqu miżuri għall-verifika tal-konformità fir-rigward tal-SMEs, il-kumpanija għandha ġġarrab il-kost tal-verifika minn parti terza indipendenti. Meta l-SME titlob li tħallas mill-anqas parti mill-kost tal-verifika minn parti terza indipendenti, jew bi ftehim mal-kumpanija, l-SME tista’ taqsam ir-riżultati ta’ tali verifika ma’ kumpaniji oħra.
|
|
Artikolu 11 7.
|
Fir-rigward tal-impatti negattivi reali kif imsemmi fil-paragrafu 1 li ma setgħux jiġu mitmuma jew li l-effett tagħhom ma setax jiġi minimizzat mill-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 3, 5 u 6, il-kumpanija għandha, bħala l-aħħar soluzzjoni u sakemm l-impatt jiġi indirizzat:
(a)
toqgħod lura milli tidħol f’relazzjonijiet ġodda, jew milli testendi relazzjonijiet eżistenti ma’ sieħeb kummerċjali li b’rabta miegħu, jew li fil-katina ta’ attivitajiet tiegħu, ikun inħoloq l-impatt;
(b)
meta l-liġi li tirregola r-relazzjoni tagħha mas-sieħeb kummerċjali kkonċernat tkun tippermettilha, tissospendi r-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati, inkluż bil-ħsieb li tuża jew iżżid l-ingranaġġ tagħha, u
(c)
tadotta u timplimenta pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni msaħħaħ għall-impatt negattiv speċifiku mingħajr dewmien żejjed, dment li jkun hemm aspettattiva raġonevoli li tali sforzi se jirnexxu.
Sakemm ikun hemm aspettattiva raġonevoli li l-pjan ta’ azzjoni korrettiv imsaħħaħ se jirnexxi, is-sempliċi fatt li titkompla l-interazzjoni mas-sieħeb kummerċjali ma għandux jesponi lill-kumpanija għal penali skont l-Artikolu 27 jew għal responsabbiltà skont l-Artikolu 29. Qabel ma tissospendi relazzjoni kummerċjali, il-kumpanija għandha tivvaluta jekk l-impatti negattivi meta tagħmel dan jistgħux ikunu raġonevolment mistennija li jkunu manifestament aktar severi mill-impatt negattiv li ma setax jiġi mitmum jew l-effett tiegħu ma setax jiġi minimizzat b’mod adegwat. Jekk dak ikun il-każ, il-kumpanija ma għandhiex tkun meħtieġa tissospendi r-relazzjoni kummerċjali, u għandha tkun f’pożizzjoni li tirrapporta lura lill-awtorità superviżorja kompetenti dwar ir-raġunijiet debitament ġustifikati għal tali deċiżjoni. L-Istati Membri għandhom jipprevedu opzjoni biex tiġi sospiża r-relazzjoni kummerċjali f’kuntratti rregolati mil-liġijiet tagħhom f’konformità mal-ewwel subparagrafu, ħlief għal kuntratti fejn il-partijiet ikunu obbligati bil-liġi li jidħlu fihom. Meta l-kumpanija tiddeċiedi li tissospendi r-relazzjoni kummerċjali, għandha tieħu passi biex tipprevjeni, timmitiga jew ittemm l-impatti tas-sospensjoni, għandha tipprovdi avviż raġonevoli lis-sieħeb kummerċjali kkonċernat u għandha żżomm dik id-deċiżjoni taħt rieżami. Meta l-kumpanija tiddeċiedi li ma tissospendix ir-relazzjoni kummerċjali skont dan l-Artikolu, għandha timmonitorja l-impatt negattiv potenzjali reali u perjodikament tivvaluta d-deċiżjoni tagħha u jekk humiex disponibbli aktar miżuri xierqa.
|
,
1.1 Referenzi
1.2 Rekwiżiti identifikati
1.3 Standards relatati
2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
- Builddate: 18.03.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024L1760
- EULAW -
EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.
DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.
|