+ANNESS

ANNESS




ANNESS

Parti I

1.    DRITTIJIET U PROJBIZZJONIJIET INKLUŻI FI STRUMENTI INTERNAZZJONALI DWAR ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM

1. Id-dritt għall-ħajja, interpretat skont l-Artikolu 6(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. L-abbuż ta’ dak id-dritt jinkludi, iżda mhuwiex ristrett għal, gwardji tas-sigurtà privati jew pubbliċi li jipproteġu r-riżorsi, il-faċilitajiet jew il-persunal tal-kumpanija li jikkawżaw il-mewt ta’ persuna minħabba nuqqas ta’ struzzjoni jew kontroll mill-kumpanija;

2. Il-projbizzjoni tat-tortura, it-trattament krudili, inuman jew degradanti, interpretata skont l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. Din tinkludi, iżda mhijiex ristretta għal, gwardji tas-sigurtà privati jew pubbliċi li jipproteġu r-riżorsi, il-faċilitajiet jew il-persunal tal-kumpanija li jissoġġettaw persuna għal tortura jew trattament krudili, inuman jew degradanti minħabba nuqqas ta’ struzzjoni jew kontroll mill-kumpanija;

3. Id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, interpretat skont l-Artikolu 9(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

4. Il-projbizzjoni ta’ interferenza arbitrarja jew illegali fil-privatezza, il-familja, id-dar jew il-korrispondenza ta’ persuna u attakki illegali fuq l-unur jew ir-reputazzjoni tagħha, interpretat skont l-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

5. Il-projbizzjoni ta’ interferenza mal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, interpretata skont l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

6. Id-dritt li jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli, inkluż paga ġusta u paga adegwata li tiggarantixxi l-għajxien għall-ħaddiema impjegati u introjtu adegwat għall-għajxien għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u għal sidien żgħar, li jaqilgħu lura mix-xogħol u l-produzzjoni tagħhom, għajxien deċenti, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u tajbin għas-saħħa u limitazzjoni raġonevoli tas-sigħat tax-xogħol, interpretat skont l-Artikoli 7 u 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

7. Il-projbizzjoni li jiġi ristrett l-aċċess tal-ħaddiema għal akkomodazzjoni adegwata, jekk il-ħaddiema jkunu joqogħdu f’akkomodazzjoni pprovduta mill-kumpanija, u li jiġi ristrett l-aċċess tal-ħaddiema għal ikel, ħwejjeġ u ilma u sanitazzjoni adegwati fuq il-post tax-xogħol, interpretata skont l-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

8. Id-dritt tat-tfal għall-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jintlaħaq interpretat skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt għall-edukazzjoni interpretat skont l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt għal standard ta’ għajxien adegwat, interpretat skont l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt tat-tfal li jkunu protetti mill-isfruttament ekonomiku u milli jwettqu kwalunkwe xogħol li x’aktarx ikun perikoluż jew li jinterferixxi mal-edukazzjoni tat-tfal, jew li jkun ta’ ħsara għas-saħħa jew għall-iżvilupp fiżiku, mentali, spiritwali, morali jew soċjali tat-tfal, interpretat skont l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt tat-tfal li jkunu protetti minn kull forma ta’ sfruttament sesswali u abbuż sesswali u li jkunu protetti milli jiġu maħtufa, mibjugħa jew spostati illegalment lejn post differenti fil-pajjiż tagħhom jew barra mill-pajjiż għall-fini ta’ sfruttament, interpretat skont l-Artikoli 34 u 35 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

9. Il-projbizzjoni tal-impjegar ta’ tfal taħt l-età tat-tmiem tal-iskola obbligatorja u, fi kwalunkwe każ, ta’ taħt il-15-il sena, ħlief meta l-liġi tal-post tal-impjieg tipprevedi hekk skont l-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138), interpretata skont l-Artikoli 4 sa 8 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138);

10. Il-projbizzjoni tal-agħar forom ta’ tħaddim tat-tfal (persuni taħt it-18-il sena), interpretata skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Agħar Forom ta’ Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182). Dan jinkludi:

(a) 

il-forom kollha ta’ skjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, bħall-bejgħ u t-traffikar tat-tfal, il-jasar tad-dejn u s-servitù, kif ukoll ix-xogħol furzat jew obbligatorju, inkluż ir-reklutaġġ furzat jew obbligatorju tat-tfal għall-użu f’kunflitti armati;

(b) 

l-użu, l-akkwist jew l-offerta ta’ tfal għall-prostituzzjoni, għall-produzzjoni ta’ pornografija jew għal spettakli pornografiċi;

(c) 

l-użu, l-akkwist jew l-offerta ta’ tfal għal attivitajiet illeċiti, b’mod partikolari għall-produzzjoni jew it-traffikar ta’ drogi;

(d) 

xogħol li, min-natura tiegħu jew miċ-ċirkostanzi li jitwettaq fihom, x’aktarx li jagħmel ħsara lis-saħħa, lis-sikurezza jew lill-morali tat-tfal;

11. Il-projbizzjoni ta’ xogħol furzat jew obbligatorju, jiġifieri x-xogħol jew is-servizz kollu li kwalunkwe persuna tiġi mġiegħla tagħmel taħt theddida ta’ kwalunkwe penali u li għalih il-persuna msemmija ma tkunx offriet lilha nnifisha b’mod volontarju, pereżempju bħala riżultat tal-jasar tad-dejn jew tat-traffikar ta’ bnedmin, interpretata skont l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29). Xogħol furzat jew obbligatorju ma għandux ifisser kwalunkwe xogħol jew servizz li jikkonforma mal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29) jew mal-Artikolu 8(3), il-punti (b) u (c) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

12. Il-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ skjavitù u ta’ kummerċ tal-iskjavi, inkluż prattiki simili għall-iskjavitù, servitù jew forom oħra ta’ dominazzjoni jew oppressjoni fuq il-post tax-xogħol, bħal sfruttament u umiljazzjoni ekonomiċi jew sesswali estremi, jew traffikar ta’ bnedmin, interpretata skont l-Artikolu 8 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

13. Id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta’ għaqda, id-drittijiet ta’ organizzazzjoni u tan-negozjar kollettiv, interpretat skont l-Artikoli 21 u 22 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-Artikolu 8 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (Nru 87), u l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949 (Nru 98). Dawk id-drittijiet jinkludu dawn li ġejjin:

(a) 

il-ħaddiema huma liberi li jiffurmaw trade unions jew li jingħaqdu magħhom;

(b) 

il-formazzjoni ta’ trade union u li wieħed jingħaqad jew jissieħeb ma’ trade union ma għandhomx jintużaw bħala raġuni għal diskriminazzjoni jew ritaljazzjoni inġustifikata;

(c) 

it-trade unions huma liberi li joperaw skont il-kostituzzjonijiet u r-regoli tagħhom, mingħajr indħil mill-awtoritajiet; u

(d) 

id-dritt tal-istrajkjar u d-dritt ta’ negozjar kollettiv;

14. Il-projbizzjoni ta’ trattament inugwali fl-impjieg, sakemm dan ma jkunx ġustifikat mir-rekwiżiti tal-impjieg, interpretata skont l-Artikoli 2 u 3 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ir-Rimunerazzjoni Indaqs, 1951 (Nru 100), l-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol), 1958 (Nru 111), u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali. B’mod partikolari, dan jinkludi:

(a) 

il-ħlas ta’ rimunerazzjoni inugwali għal xogħol ta’ valur ugwali;

(b) 

id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ estrazzjoni nazzjonali jew oriġini soċjali, razza, kulur, sess, reliġjon, opinjoni politika;

15. Il-projbizzjoni mill-ikkawżar ta’ kwalunkwe degradazzjoni ambjentali li tista’ titkejjel, bħal tibdil dannuż tal-ħamrija, tniġġis tal-ilma jew tal-arja, emissjonijiet dannużi, konsum eċċessiv tal-ilma, degradazzjoni tal-art, jew impatt ieħor fuq ir-riżorsi naturali, bħad-deforestazzjoni, li:

(a) 

tfixkel b’mod sostanzjali l-bażijiet naturali għall-preservazzjoni u l-produzzjoni tal-ikel;

(b) 

iċċaħħad lil persuna milli jkollha aċċess għal ilma tax-xorb sikur u nadif;

(c) 

tagħmilha diffiċli għal persuna biex taċċessa faċilitajiet sanitarji jew jeqridhom;

(d) 

tagħmel ħsara lis-saħħa, lis-sikurezza, lill-użu normali tal-art jew lill-beni akkwistati legalment ta’ persuna;

(e) 

taffettwa b’mod negattiv b’mod sostanzjali s-servizzi tal-ekosistema li permezz tagħhom ekosistema tikkontribwixxi direttament jew indirettament għall-benesseri tal-bniedem;

interpretata skont l-Artikolu 6(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikoli 11 u 12 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

16. Id-dritt ta’ individwi, gruppi u komunitajiet għal artijiet u riżorsi u d-dritt li ma jiġux imċaħħda minn mezzi ta’ sussistenza, li jinvolvi l-projbizzjoni ta’ evakwazzjoni jew teħid ta’ art, foresti u ilmijiet b’mod illegali meta jiġu akkwistati, żviluppati jew inkella jintużaw art, foresti u ilmijiet, inkluż permezz tad-deforestazzjoni, li l-użu tagħhom jiżgura l-għajxien ta’ persuna interpretata skont l-Artikoli 1 u 27 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikoli 1, 2 u 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali.

2.    STRUMENTI DWAR ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U L-LIBERTAJIET FUNDAMENTALI

— 
Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
— 
Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;
— 
Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;
— 
Il-konvenzjonijiet ewlenin/fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol:
— 
Il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (Nru 87);
— 
Il-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949 (Nru 98);
— 
Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29) u l-Protokoll tal-2014 tagħha;
— 
Il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1957 (Nru 105);
— 
Il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138);
— 
Il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182);
— 
Il-Konvenzjoni dwar ir-Rimunerazzjoni Indaqs, 1951 (Nru 100);
— 
Il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol), 1958 (Nru 111).

Parti II

PROJBIZZJONIJIET U OBBLIGI INKLUŻI FI STRUMENTI AMBJENTALI

1. L-obbligu li jiġu evitati jew minimizzati l-impatti negattivi fuq id-diversità bijoloġika, interpretat skont l-Artikolu 10, il-punt (b), tal-Konvenzjoni tal-1992 dwar id-Diversità Bijoloġika u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti, inkluż l-obbligi tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar l-iżvilupp, it-trattament, it-trasport, l-użu, it-trasferiment u r-rilaxx ta’ organiżmi modifikati ħajjin u tal-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tat-12 ta’ Ottubru 2014.

2. Il-projbizzjoni tal-importazzjoni, l-esportazzjoni, ir-riesportazzjoni jew l-introduzzjoni bil-baħar ta’ kwalunkwe eżemplar inkluż fl-Appendiċi I sa III tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) tat-3 ta’ Marzu 1973 mingħajr permess, interpretata skont l-Artikoli III, IV u V tal-Konvenzjoni;

3. Il-projbizzjoni tal-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju elenkati fl-Anness A, il-Parti I, tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, tal-10 ta’ Ottubru 2013 (il-Konvenzjoni ta’ Minamata), interpretata skont l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni;

4. Il-projbizzjoni tal-użu tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju fil-proċessi tal-manifattura elenkati fl-Anness B, il-Parti I, tal-Konvenzjoni ta’ Minamata wara d-data tal-eliminazzjoni gradwali speċifikata fil-Konvenzjoni għall-proċessi individwali, interpretata skont l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni;

5. Il-projbizzjoni tat-trattament illegali tal-iskart tal-merkurju, interpretata skont l-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni ta’ Minamata u l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 19 );

6. Il-projbizzjoni tal-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-Konvenzjoni dwar il-POPs), tat-22 ta’ Mejju 2001, interpretata skont l-Artikolu 3(1), il-punt (a), il-punt (i), tal-Konvenzjoni u r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 20 );

7. Il-projbizzjoni tat-trattament, il-ġbir, il-ħżin u r-rimi illegali tal-iskart, interpretata skont l-Artikolu 6(1), il-punt (d), il-punti (i) u (ii), tal-Konvenzjoni dwar il-POPs u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/1021;

8. Il-projbizzjoni tal-importazzjoni jew l-esportazzjonita’ sustanza kimika elenkata fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (UNEP/FAO), tal-10 ta’ Settembru 1998, interpretata skont l-Artikolu 10(1), l-Artikolu 11(1), il-punt (b), u l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni u indikazzjoni mill-Parti importatriċi jew esportatriċi fil-Konvenzjoni skont il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-quddiem (PIC);

9. Il-projbizzjoni tal-produzzjoni, il-konsum, l-importazzjoni u l-esportazzjoni illegali tas-sustanzi kontrollati elenkati fl-Annessi A, B, C u E tal-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-Ħarsien tas-Saff tal-Ożonu, interpretata skont l-Artikolu 4B tal-Protokoll ta’ Montreal u d-dispożizzjonijiet dwar il-liċenzjar skont il-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti;

10. Il-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ skart perikoluż jew skart ieħor, interpretata skont l-Artikolu 1(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment barra l-konfini ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi tiegħu, tat-22 ta’ Marzu 1989, (il-Konvenzjoni ta’ Basel) u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 21 ):

(a) 

lil parti għall-Konvenzjoni li pprojbiet l-importazzjoni ta’ tali skart perikoluż u skart ieħor, interpretata skont l-Artikolu 4(1), il-punt (b), tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

(b) 

lil stat ta’ importazzjoni li ma jagħtix il-kunsens bil-miktub għall-importazzjoni speċifika, f’każ li dak l-istat ta’ importazzjoni ma jkunx ipprojbixxa l-importazzjoni ta’ tali skart perikoluż, interpretata skont l-Artikolu 4(1), il-punt (c), tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

(c) 

lil non-parti għall-Konvenzjoni ta’ Basel, interpretata skont l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

(d) 

lil stat ta’ importazzjoni jekk tali skart perikoluż jew skart ieħor ma jiġix ġestit b’mod ambjentalment korrett f’dak l-istat jew xi mkien ieħor, interpretata skont l-Artikolu 4(8), l-ewwel sentenza, tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

11. Il-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ skart perikoluż mill-pajjiżi elenkati fl-Anness VII tal-Konvenzjoni ta’ Basel lejn pajjiżi mhux elenkati fl-Anness VII għall-operazzjonijiet elenkati fl-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basel, interpretata skont l-Artikolu 4 A tal-Konvenzjoni ta’ Basel u l-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006;

12. Il-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ skart perikoluż u skart ieħor mingħand non-Parti li ma rratifikatx il-Konvenzjoni ta’ Basel, interpretata skont l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

13. L-obbligu li jiġu evitati jew minimizzati l-impatti negattivi fuq il-proprjetajiet delineati bħala wirt naturali kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali tas-16 ta’ Novembru 1972 (il-Konvenzjoni dwar il-Patrimonju Dinji), interpretat skont l-Artikolu 5, il-punt (d), tal-Konvenzjoni dwar il-Patrimonju Dinji u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti;

14. L-obbligu li jiġu evitati jew minimizzati l-impatti negattivi fuq l-artijiet mistagħdra kif definit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra ta’ Importanza Internazzjonali speċjalment bħala l-Ħabitat għall-Għasafar tal-Ilma tat-2 ta’ Frar 1971 (il-Konvenzjoni ta’ Ramsar), interpretat skont l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ramsar u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti;

15. L-obbligu li jiġi prevenut it-tniġġis mill-vapuri, interpretat skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri tat-2 ta’ Novembru 1973, kif emendata mill-Protokoll tal-1978 (MARPOL 73/78). Dan jinkludi:

(a) 

il-projbizzjoni tal-iskariku fil-baħar ta’:

(i) 

żejt jew taħlitiet ta’ żejt kif definiti fir-Regolament 1 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 9 sa 11 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78;

(ii) 

sustanzi likwidi noċivi kif definiti fir-Regolament 1(6) tal-Anness II tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 5 u 6 tal-Anness II tal-MARPOL 73/78; u

(iii) 

dranaġġ kif definit fir-Regolament 1(3) tal-Anness IV tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 8 u 9 tal-Anness IV tal-MARPOL 73/78;

(b) 

il-projbizzjoni ta’ tniġġis illegali minn sustanzi perikolużi trasportati bil-baħar f’forma ppakkjata kif definiti fir-Regolament 1 tal-Anness III tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 1 sa 7 tal-Anness III tal-MARPOL 73/78; u

(c) 

il-projbizzjoni ta’ tniġġis illegali minn żibel minn bastimenti kif definit fir-Regolament 1 tal-Anness V tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 3 sa 6 tal-Anness V tal-MARPOL 73/78;

16. L-obbligu tal-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis tal-ambjent tal-baħar permezz tar-rimi, interpretat skont l-Artikolu 210 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS) u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 18.03.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024L1760
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.