|
Fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE, fl-oqsma stabbiliti speċifikament fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni. L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu tekniċi, ma għandhomx jimplikaw deċiżjonijiet strateġiċi jew għażliet ta’ politika u l-kontenut tagħhom għandu jkun li jiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti. L-Awtorità għandha tissottometti l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Fl-istess ħin, l-Awtorità għandha tibgħat dawk l-istandards tekniċi għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Qabel ma tissottometti abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa u għandha tanalizza l-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati ħafna fir-rigward tal-ambitu u l-impatt tal-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tadottahx. Il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-perjodu b’xahar. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu meta l-adozzjoni ma tkunx tista’ sseħħ fil-perjodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni parzjalment biss, jew b’emendi, meta l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan. Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni jew ikollha l-intenzjoni li tadottah parzjalment jew b’emendi, hija għandha tibagħtu lura lill-Awtorità filwaqt li tispjega għaliex ma jkollhiex l-intenzjoni li tadottah jew tispjega r-raġunijiet għall-emendi tagħha. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-ittra tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni fuq il-bażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa’ tissottomettih lill-Kummissjoni fil-forma ta’ opinjoni formali. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fir-raba’ subparagrafu, l-Awtorità ma tkunx issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni emendat, jew tkun issottomettiet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni li ma jkunx emendat b’mod konsistenti mal-emendi proposti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard tekniku ta’ implimentazzjoni bl-emendi li tqis li jkunu rilevanti jew tirrifjutah. Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut ta’ abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni mħejji mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.
|