2. Ir-rapporti għandhom, fost l-oħrajn, jindirizzaw fid-dawl tal-iżviluppi soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi, l-evoluzzjoni tal-aċċessibbiltà ta’ prodotti u ta’ servizzi, il-lock-in teknoloġiku jew l-ostakli għall-innovazzjoni possibbli u l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq l-operaturi ekonomiċi, u fuq persuni b’diżabbiltà. Ir-rapporti għandhom jivvalutaw jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(4) tkunx ikkontribwiet għall-approssimazzjoni tar-rekwiżiti diverġenti ta’ aċċessibbiltà tal-ambjent mibni ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri, servizzi bankarji għall-konsumatur u ċ-ċentri għas-servizz tal-konsumaturi tal-ħwienet tal-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, fejn possibbli, bil-ħsieb li jitħalla jsir l-allinjament progressiv tagħhom mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà stabbiliti fl-Anness III.
Ir-rapporti għandhom jivvalutaw ukoll jekk l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet fakultattivi tagħha, ikunux ikkontribwew għall-approssimazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tal-ambjent mibni li jikkostitwixxu xogħlijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35), id-Direttiva 2014/24/UE, u d-Direttiva 2014/25/UE.
Ir-rapporti għandhom jindirizzaw ukoll l-effetti fuq il-funzjonament tas-suq intern tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva, inkluż, meta disponibbli, abbażi ta’ informazzjoni li tkun waslet skont l-Artikolu 14(8), kif ukoll l-eżenzjoni għall-mikrointrapriżi. Ir-rapporti għandhom jikkonkludu jekk din id-Direttiva tkunx laħqet l-objettivi tagħha u jekk ikunx xieraq li jiġu inklużi prodotti u servizzi ġodda, jew li jiġu esklużi ċerti prodotti jew servizzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u dawn għandhom jidentifikaw, fejn dan ikun possibbli, oqsma għat-tnaqqis tal-piż bil-ħsieb ta’ reviżjoni possibbli ta’ din id-Direttiva.
Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tipproponi miżuri xierqa li jistgħu jinkludu miżuri leġislattivi.