5. Kull missjoni konsultattiva għandha tikkonsisti minn esperti mill-Istat Membru fejn tinsab l-entità kritika ta' sinifikat Ewropew partikolari, esperti mill-Istati Membri li lilhom jew li fihom jiġi pprovdut is-servizz essenzjali, u rappreżentanti tal-Kummissjoni. Dawk l-Istati Membri jistgħu jipproponu kandidati biex ikunu parti minn missjoni konsultattiva. Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru li identifika entità kritika ta' sinifikat Ewropew partikolari bħala entità kritika skont l-Artikolu 6(1), għandha tagħżel u taħtar il-membri ta' kull missjoni konsultattiva skont il-kapaċità professjonali tagħhom u tiżgura, fejn possibbli, rappreżentazzjoni ġeografikament bilanċjata minn dawk l-Istati Membri kollha. Kull meta meħtieġ, il-membri tal-missjoni konsultattiva għandu jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà valida u xierqa. Il-Kummissjoni għandha tkopri l-kostijiet relatati mal-parteċipazzjoni fil-missjonijiet konsultattivi.
Il-Kummissjoni għandha torganizza l-programm ta' kull missjoni konsultattiva, f'konsultazzjoni mal-membri tal-missjoni konsultattiva inkwistjoni u bi qbil mal-Istat Membru li identifika entità kritika ta' sinifikat Ewropew partikolari bħala entità kritika skont l-Artikolu 6(1).