+Artikolu 21 Depożitarju
---+Artikolu 21 1.
---+Artikolu 21 2.
---+Artikolu 21 3.
---+Artikolu 21 4.
---+Artikolu 21 5.
---+Artikolu 21 5a.
---+Artikolu 21 6.
---+Artikolu 21 7.
---+Artikolu 21 8.
---+Artikolu 21 9.
---+Artikolu 21 10.
---+Artikolu 21 11.
---+Artikolu 21 12.
---+Artikolu 21 13.
---+Artikolu 21 14.
---+Artikolu 21 15.
---+Artikolu 21 16.
---+Artikolu 21 17.

Artikolu 21 Depożitarju

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 21 1.
Għal kull AIF li jimmaniġġa, l-AIFM għandu jiżgura li jinħatar depożitarju uniku f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
Artikolu 21 2.
Il-ħatra tad-depożitarju għandha tinxtehed minn kuntratt bil-miktub. Il-kuntratt, fost affarijiet oħra, għandu, inter alia, jirregola l-fluss ta’ informazzjoni meqjusa neċessarja biex id-depożitarju jkun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu għall-AIF li għalih ikun inħatar bħala depożitarju, kif stabbilit f’din id-Direttiva u fil-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti l-oħra.
Artikolu 21 3.

Id-depożitarju għandu jkun:

(a) 

istituzzjoni ta’ kreditu li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni u li hi awtorizzata skont id-Direttiva 2006/48/KE;

(b) 

ditta ta’ investiment li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni, suġġett għar-rekwiżiti ta’ adegwatezza tal-kapital skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2006/49/KE inkluż ir-rewiżit ta’ kapital għar-riskji operattivi u li tkun awtorizzata skont id-Direttiva 2004/39/KE u li tipprovdi wkoll is-servizz anċillari ta’ salvagwardja u amministrazzjoni tal-istrumenti finazjarji għall-kont ta’ klijent skont il-punt (1) tat-Taqsima B tal-Anness I għad-Direttiva 2004/39/KE; ditta ta’ investiment ta’ dan it-tip, fi kwalunkwe każ, għandu jkollha fondi proprji mhux inqas mill-ammont ta’ kapital inizjali msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/49/KE; jew

(c) 

kategorija oħra ta’ istituzzjoni li tkun suġġetta għal regolamentazzjoni prudenzjali u superviżjoni kontinwa u li, fil-21 ta’ Lulju 2011 taqa’ fl-ambitu tal-kategoriji ta’ istituzzjoni li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew bħala eliġibbli sabiex ikunu depożitarji taħt l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Għall-AIF mhux tal-UE biss, u bla ħsara għal punt (b) tal-paragrafu 5, id-depożitarju jista’ wkoll ikun istituzzjoni ta’ kreditu jew kwalunkwe entità oħra tal-istess natura bħal dik tal-entitajiet imsemmijin fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu sakemm il-kundizzjonijiet fil-punt (b) tal-paragrafu 6 ikunu sodisfatti.

Barra minn dan, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li fir-rigward ta’ AIFs li ma jiddisponu minn ebda drittijiet ta’ tifdija eżerċitabbli matul perijodu ta’ ħames snin wara d-data tal-investimenti inizjali u li, f’konformità mal-politika tal-investiment ewlenija tagħhom, ġeneralment ma jinvestux f’assi li jridu jinżammu f’kustodja skont il-punt (a) tal-paragrafu 8 jew ġeneralment jinvestu f’emittenti jew f’kumpaniji mhux kwotati bil-għan li potenzjalment jiksbu kontroll fuq it-tali kumpaniji skont l-Artikolu 26, id-depożitarju jista’ jkun entità li tiżvolġi funzjonijiet depożitarji bħala parti mill-attivitajiet professjonali jew kummerċjali tagħha li fir-rigward tagħhom hija suġġetta għal reġistrazzjoni professjonali obbligatorja rikonoxxuta midl-liġi jew għal dispożizzjonijiet ġuridiċi jew regolatorji jew regoli ta’ mġiba professjonali u li jistgħu jipprovdu biżżejjed garanziji finanzjarji u professjonali li jippermettulha li twettaq b’mod effikaċi l-funzjonijiet depożitarji rilevanti u tonora l-impenji inerenti f’dawk il-funzjonijiet.

Artikolu 21 4.

Sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi bejn id-depożitarju, l-AIFM u/jew l-AIF u/jew l-investituri tiegħu:

(a) 

AIFM m’għandux jaġixxi bħala depożitarju;

(b) 

intermedjarju ewlieni li jaġixxi bħala kontroparti għal AIF m’għandux jaġixxi bħala depożitarju għal dak l-AIF, sakemm ma jkunx funzjonalment u ġerarkikament issepara t-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu bħala depożitarju mill-kompiti tiegħu ta’ intermedjarju ewlieni u sakemm il-kunflitti ta’ interess potenzjali ikunu ġew identifikati, immaniġġati, sorveljati u żvelati kif jixraq lill-investituri tal-AIF. Id-delega mid-depożitarju lil tali intermedjarju ewlieni tal-kompiti ta’ kustodja tiegħu skont il-paragrafu 11 hi permessa biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti.

Artikolu 21 5.

Id-depożitarju għandu jkun stabbilit f’wieħed mill-postijiet li ġejjin:

(a) 

għal AIFs tal-UE, fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIF;

(b) 

għall-AIFs mhux tal-UE, fil-pajjiż terz fejn ikun stabbilit l-AIF, jew fl-Istat Membru tal-AIFM li qed jimmaniġġa l-AIF, jew, fl-Istat Membru ta’ referenza tal-AIFM li jimmaniġġa l-AIF.

Artikolu 21 5a.

B’deroga mill-paragrafu 5, il-punt (a), l-Istat Membru ta’ domiċilju ta’ AIF tal-UE jista’ jagħti l-permess lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu biex jippermettu li istituzzjoni msemmija fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), u stabbilita fi Stat Membru ieħor, tinħatar bħala depożitarju sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-awtoritajiet kompetenti jkunu rċevew talba motivata mill-AIFM biex jippermettu l-ħatra ta’ depożitarju stabbilit fi Stat Membru ieħor u dik it-talba turi n-nuqqas ta’ servizzi depożitarji fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIF li jkunu kapaċi jissodisfaw b’mod effettiv il-ħtiġijiet tal-AIF b’kont meħud tal-istrateġija ta’ investiment tiegħu; u

(b) 

l-ammont aggregat fis-suq tad-depożitarju nazzjonali tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIF tal-assi fdati għall-kustodja, kif imsemmi fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu, f’isem l-AIFs tal-UE awtorizzati jew irreġistrati skont il-liġi nazzjonali applikabbli skont l-Artikolu 4(1), il-punt (k)(i), u mmaniġġati minn AIFM tal-UE, ma jaqbiżx il-EUR 50 biljun jew l-ekwivalenti fi kwalunkwe munita oħra.

L-assi fdati għall-kustodja minn depożitarji li jaġixxu skont l-Artikolu 36(1), il-punt (a), u l-assi proprji tad-depożitarji ma għandhomx jitqiesu għall-fini li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ta’ dan il-paragrafu hijiex issodisfata.

Minkejja l-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippermettu biss il-ħatra ta’ depożitarju stabbilit fi Stat Membru ieħor wara li jwettqu valutazzjoni ta’ każ b’każ tan-nuqqas ta’ servizzi depożitarji rilevanti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIF b’kont meħud tal-istrateġija ta’ investiment tal-AIF.

Meta l-awtoritajiet kompetenti jippermettu l-ħatra ta’ depożitarju stabbilit fi Stat Membru ieħor, huma għandhom jinfurmaw lill-AETS b’dan.

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-paragrafi l-oħra ta’ dan l-Artikolu, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 5, il-punt (a).

Artikolu 21 6.

Bla ħsara għar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 3, il-ħatra ta’ depożitarju stabbilit f’pajjiż terz għandha tkun dejjem suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn hu intenzjonat li se jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF mhux tal-UE, u, jekk differenti, tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM, ikunu ffirmaw arranġamenti ta’ koperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tad-depożitarju;

(b) 

id-depożitarju huwa suġġett għal regolamentazzjoni, inklużi r-rekwiżiti ta’ kapital minimu, u superviżjoni prudenzjali effikaċi li għandhom l-istess effett tal-liġi tal-Unjoni u li huma effettivament infurzati;

▼M9

(c) 

il-pajjiż terz fejn ikun stabbilit id-depożitarju ma jiġix identifikat bħala pajjiż terz b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 22 );

(d) 

l-Istati Membri fejn hu intenzjonat li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF mhux tal-UE, u, fil-każ li jkun differenti, l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM, ikunu ffirmaw ftehim mal-pajjiż terz fejn ikun stabbilit id-depożitarju li jikkonforma bis-sħiħ mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD fuq id-Dħul u l-Kapital u li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effettiv fil-kwistjonijiet fiskali, inklużi, jekk ikun hemm, il-ftehimiet fiskali multilaterali u dak il-pajjiż terz ma jissemmiex fl-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE tal-ġuriżdizzjonijiet mhux kooperattivi għal finijiet tat-taxxa.

▼B

(e) 

id-depożitarju, kuntrattwalment, għandu jkun responsabbli lill-AIF, jew lill-investituri tal-AIF, b’mod konsistenti mal-paragrafi 12 u 13 ta’ dan l-Artikolu u għandu jaqbel espressament li jikkonforma mal-paragrafu 11.

B’deroga mill-formulazzjoni introduttorja tal-ewwel subparagrafu, il-kundizzjonijiet fil-punti (c) u (d) ta’ dak is-subparagrafu għandhom japplikaw fil-mument tal-ħatra tad-depożitarju. Jekk pajjiż terz fejn ikun stabbilit depożitarju jiġi identifikat bħala pajjiż terz b’riskju għoli skont l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), jew jiżdied mal-Anness I tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-lista riveduta tal-UE ta’ ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (d), wara ż-żmien tal-ħatra tad-depożitarju, għandu jinħatar depożitarju ġdid f’perjodu xieraq, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-investituri. Dak il-perjodu ma għandux ikun itwal minn sentejn.

Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor ma taqbilx mal-valutazzjoni li tkun saret dwar l-applikazzjoni tal-punti (a), (c) jew (e) tal-ewwel subparagrafu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ taġixxi f’konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Abbażi tal-kriterji msemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 17, il-Kummissjoni għandha tadotta, atti ta’ implimentazzjoni li jiddikjaraw li r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali ta’ pajjiż terz għandhom l-istess effett bħad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni Ewropea u huma effettivament infurzati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(2).

Artikolu 21 7.
Id-depożitarju għandu, b’mod ġenerali, jiżgura li l-flussi tal-likwidità tal-AIF huma sorveljati kif suppost u għandu, b’mod partikulari, jiżgura li l-ħlasijiet kollha li jsiru minn investituri jew f’isimhom malli tkun waslet is-sottoskrizzjoni tal-unitajiet jew l-ishma tal-AIF u li l-flus kollha tal-AIF ikunu ġew reġistrati f’ kontijiet f’kontanti miftuħa f’isem l-AIF jew f’isem l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF jew f’isem id-depożitarju li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF għand entità msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2006/73/KE, jew entità oħra tal-istess natura, fis-suq rilevanti fejn ikun rikjesti l-kontijiet f’kontanti sakemm tali entità tkun suġġetta għal regolamentazzjoni u superviżjoni prudenzjali effikaċi li għandhom l-istess effett bħal-liġi tal-Unjoni u li huma effettivament infurzati, u f’konformità mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/73/KE.

Fejn il-kontijiet f’kontanti jinfetħu f’isem id-depożitarju li jaġixxi f’isem l-AIF, l-ebda flus tal-entità msemmija fl-ewwel subparagrafu u l-ebda flus minn dawk tad-depożitarju nnifsu m’għandhom jiġu reġistrati f’tali kontijiet.

Artikolu 21 8.

L-assi tal-AIF, jew, tal-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, għandhom jiġu fdati lid-depożitarju bħala salvagwardja, skont kif ġej:

(a) 

għal strumenti finanzjarji li jistgħu jinżammu f’kustodja:

(i) 

id-depożitarju għandu jżomm f’kustodja l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu reġistrati f’kont ta’ strumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tad-depożitarju u l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu forniti fiżikament lid-depożitarju,

(ii) 

għal din il-fini, id-depożitarju għandu jiżgura li dawk l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu reġistrati f’kont ta’ strumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tad-depożitarju jiġu reġistrati fil-kotba tad-depożitarju f’kontijiet segregati f’konformità mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/73/KE, miftuħin f’isem l-AIF jew, skont ma jista’ jagħti l-każ, f’isem l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, sabiex, f’kull ħin, ikunu jistgħu jiġu identifikati bħala appartenenti għall-AIF f’konformità mal-liġi applikabbli;

(b) 

għall-assi oħrajn:

(i) 

id-depożitarju għandu jivverifika s-sjieda tal-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, ta’ tali assi u għandu jżomm rekord ta’ dawk l-assi li għalihom ikun sodisfatt li l-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, ikollu s-sjieda ta’ tali assi,

(ii) 

il-valutazzjoni jekk l-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, ikollux is-sjieda għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni jew dokumenti pprovduti mill-AIF jew l-AIFM u, fejn tkun disponibbli, fuq evidenza esterna,

(iii) 

Iid-depożitarju għandu jżomm ir-rekord tiegħu aġġornat.

Artikolu 21 9.

Minbarra l-kompiti msemmija fil-paragrafi 7 u 8, id-depożitarju għandu:

(a) 

jiżgura li l-bejgħ, l-emissjoni, ix-xiri mill-ġdid, it-tifdija u t-tħassir tal-unitajiet jew tal-ishma tal-AIF jitwettqu f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u r-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF;

(b) 

jiżgura li l-valur tal-unitajiet jew tal-ishma tal-AIF jiġi kkalkulat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u r-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 19;

(c) 

iwettaq l-istruzzjonijiet tal-AIFM, sakemm ma jkunux f’kunflitt mal-liġi nazzjonali applikabbli jew ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF;

(d) 

jiżgura li, fit-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-assi tal-AIF, kull konsiderazzjoni tinbagħat lill-AIF fil-limiti taż-żmien tas-soltu;

(e) 

jiżgura li d-dħul ta’ AIF jiġi applikat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-AIF jew strumenti ta’ inkorporazzjoni.

Artikolu 21 10.
Fil-kuntest tar-rwoli rispettivi tagħhom, l-AIFM u d-depożitarju għandhom jaġixxu b’mod onest, ġust, professjonali, indipendenti u fl-interess tal-AIF jew l-investituri tal-AIF.

Depożitarju m’ għandux iwettaq attivitajiet fir-rigward tal-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, li jistgħu joħolqu kunflitti ta’ interess bejn l-AIF, l-investituri tal-AIF, l-AIFM jew id-depożitarju nnifsu, sakemm id-depożitarju ma jkunx funzjonalment u ġerarkikament issepara t-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu bħala depożitarju mill-kompiti l-oħra tiegħu li potenzjalment joħolqu kunflitt u sakemm il-kunflitti ta’ interess potenzjali ikunu ġew identifikati, immaniġġati, sorveljati u żvelati kif jixraq lill-investituri tal-AIF.

L-assi msemmijin fil-paragrafu 8 ma jistgħux jerġgħu jintużaw mid-depożitarju mingħajr il-kunsens minn qabel tal-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF.

Artikolu 21 11.
Id-depożitarju m’għandux jiddelega lil partijiet terzi l-funzjonijiet tiegħu kif deskritti f’dan l-Artikolu, apparti dawk imsemmijin fil-paragrafu 8.

Id-depożitarju jista’ jiddelega lil partijiet terzi l-funzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 8, suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-kompiti ma jiġux delegati bl-intenzjoni li jiġu evitati r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;

(b) 

id-depożitarju jista’ juri li hemm raġuni oġġettiva għad-delega;

(c) 

id-depożitarju jkun eżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuti fl-għażla u l-ħatra ta’ kwalunkwe parti terza li lilha jkollu l-intenzjoni jiddelega partijiet mill-kompiti tiegħu, ħlief meta dik il-parti terza tkun depożitorju ċentrali tat-titoli li jaġixxi fil-kapaċità ta’ CSD investitur kif definit fl-att delegat adottat abbażi tal-Artikoli 29(3) u 48(10) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, u jkompli jeżerċita l-ħila, l-attenzjoni u d-diliġenza kollha dovuta fir-rieżami perjodiku u l-monitoraġġ kontinwu ta’ kwalunkwe parti terza li lilha jkun iddelega partijiet mill-kompiti tiegħu u tal-arranġamenti tal-parti terza fir-rigward tal-materji ddelegati lilha;

(d) 

id-depożitarju żgura li l-parti terza tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin f’ kull ħin matul l-iżvolġiment tal-kompiti delegati lilha:

(i) 

il-parti terza jkollha l-istrutturi u l-kompetenza li huma xierqa u proporzjonati għan-natura u l-kumplessità tal-assi tal-AIF jew tal-AIF li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF li jkunu ġew fdati lilha,

(ii) 

fir-rigward ta’ kompiti ta’ kustodja msemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 8, il-parti terza hi suġġetta għal regolamentazzjoni, inklużi r-rekwiżiti ta’ kapital minimu, u superviżjoni prudenzjali effikaċi fil-ġurisdizzjoni kkonċernata u, il-parti terza hi suġġetta għal verifika esterna perjodika sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji huma fil-pussess tagħha,

(iii) 

il-parti terza tissegrega l-assi tal-klijenti tad-depożitarju mill-assi tagħha stess u mill-assi tad-depożitarju b’tali mod li, fi kwalunkwe ħin, ikunu jistgħu jiġu identifikati bħala appartenenti għall-klijenti ta’ depożitarju partikulari,

(iv) 

il-parti terza ma tagħmilx użu mill-assi mingħajr il-kunsens minn qabel tal-AIF, jew l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, u mingħajr ma d-depożitarju jkun notifikat minn qabel, u

(v) 

il-parti terza tikkonforma mal-obbligi u l-projbizzjonijiet ġenerali stipulati fil-paragrafi 8 u 10.

Minkejja l-punt (d)(ii) tat-tieni subparagrafu, meta l-liġi ta’ pajjiż terz tirrikjedi li ċerti strumenti finanzjarji jinżammu f’kustodja minn entità lokali u ma jeżistu ebda entitajiet lokali li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ delega stabbiliti f’dak il-punt, id-depożitarju jista’ jiddelega l-funzjonijiet tiegħu lil tali entità lokali sal-punt biss rikjest mid-dritt tal-pajjiż terz u sakemm biss ma jkunx hemm entitajiet lokali li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ delega, suġġetta għar-rikjesti li ġejjin:

(a) 

l-investituri tal-AIF rilevanti jridujkunu ġew informati kif dovut li tali delega hi rikjesta minħabba l-limitazzjonijiet legali fil-liġi tal-pajjiż terz u minħabba ċ-ċirkustanzi li jiġġustifkaw id-delega qabel l-investiment tagħhom; u

(b) 

l-AIF jew l-AIFM f’isem l-AIF ta istruzzjonijiet lid-depożitarju biex jiddelega l-kustodja tat-tali strumenti finanzjarji lil tali entità lokali.

Il-parti terza tista’, min-naħa tagħha, tissottodelega dawk il-funzjonijiet, suġġett għall-istess kundizzjonijiet. F’ tali każ, il-paragrafu 13 għandu japplika mutatis mutandis lill-partijiet rilevanti.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-għoti ta’ servizzi minn depożitorju ċentrali tat-titoli li jaġixxi fil-kapaċità ta’ CSD emittent, kif definit fl-att delegat adottat abbażi tal-Artikoli 29(3) u 48(10) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 ma għandux jitqies bħala delega tal-funzjonijiet ta’ kustodja tad-depożitarju. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-għoti ta’ servizzi minn depożitorju ċentrali tat-titoli li jaġixxi fil-kapaċità ta’ CSD investitur, kif definit f’dak l-att delegat, għandu jitqies bħala delega tal-funzjonijiet ta’ kustodja tad-depożitarju.

Artikolu 21 12.
Id-depożitarju għandu jkun responsabbli lill-AIF lill-investituri tal-AIF għat-telf mid-depożitarju jew minn parti terza li lilha ġiet iddelegata l-kustodja tal-istrumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja skont il-punt (a) tal-paragrafu 8.

Fil-każ ta’ tali telf ta’ strument finanzjarju miżmum f’kustodja, id-depożitarju għandu jirritorna strument finanzjarju tat-tip identiku jew l-ammont korrispondenti lill-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, mingħajr dewmien mhux dovut. Id-depożitarju ma għandux ikun responsabbli jekk jista’ jipprova li t-telf ikun irriżulta mnn avveniment estern li raġonevolment ma setax jikkontrolla, li l-konsegwenzi tiegħu kienu se jkunu inevitabbli minkejja kull sforz raġonevoli għall-kuntrarju.

Id-depożitarju għandu jkun ukoll responsabbli lill-AIF, jew, lill-investituri tal-AIF għal kull telf ieħor li jbatu bħala riżultat tal-falliment negliġenti jew intenzjonat tad-depożitarju li jissodisfa kif suppost l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva.

Artikolu 21 13.
Ir-responsabilità tad-depożitarju ma għandhiex tiġi affettwata minn kwalunkwe delega msemmija fil-paragrafu 11.

Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-każ ta’ telf tal-istrumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja minn parti terza skont il-paragrafu 11, id-depożitarju jista’ jinħall mir-responsabilità tiegħu jekk ikun jista’ jipprova:

(a) 

li r-rekwiżiti kollha għad-delega tal-kompiti ta’ kustodja tiegħu, kif stipulati fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 11, huma sodisfatti,

(b) 

li jeżisti kuntratt bil-miktub bejn id-depożitarju u l-parti terza li jittrasferixxi espliċitament ir-responsabbiltà tad-depożitarju lil dik il-parti terza u jagħmilha possibbli għall-AIF, jew l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, iressaq ilment kontra l-parti terza fir-rigward tat-telf tal-istrumenti finanzjarji jew għad-depożitarju li jagħmel it-tali lment f’isimhom;u

(c) 

kuntratt bil-miktub bejn id-depożitarju u l-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, li espliċitament jippermetti tħollija tar-responsabilità tad-depożitarju u jistabbilixxi r-raġuni oġġettiva li tħollija ta’ dan it-tip tiġi kkuntrattata.

Artikolu 21 14.

Barra minn hekk, meta l-liġi ta’ pajjiż terz tirrikjedi li ċerti strumenti finanzjarji jinżammu f’kustodja minn entità lokali u ma jeżistu ebda entitajiet lokali li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ delega stabbiliti fil-punt (d)(ii) tal-paragrafu 11, id-depożitarju jista’ jinħall mir-responsabbiltà tiegħu sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

ir-regoli jew strumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF ikkonċernat jippermettu espliċitament tali tħollija taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-paragrafu;

(b) 

l-investituri tal-AIF rilevanti ġew debitament infurmati dwar din it-tħollija u dwar iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw it-tħollija qabel l-investiment tagħhom;

(c) 

l-AIF jew l-AIFM f’isem l-AIF ta istruzzjonijiet lid-depożitarju biex jiddelega l-kustodja tat-tali strumenti finanzjarji lil entità lokali;

(d) 

jeżisti kuntratt bil-miktub bejn id-depożitarju u l-AIF, jew, skont ma jista’ jagħti l-każ, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, li jippermetti espliċitament tali rilaxx; u

(e) 

jeżisti kuntratt bil-miktub bejn id-depożitarju u l-parti terza li jittrasferixxi espressament ir-responsabbiltà tad-depożitarju lil dik l-entità lokali u jagħmilha possibbli għall-AIF, jew skont ma jista’ jagħti l-każ, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, iressaq klejm kontra dik l-entità lokali fir-rigward tat-telf tal-istrumenti finanzjarji jew għad-depożitarju li jagħmel it-tali klejm f’isimhom.

Artikolu 21 15.
Ir-responsabbiltà lejn l-investituri tal-AIF tista’ tiġi invokata direttament jew indirettament permezz tal-AIFM, skont in-natura legali tar-relazzjoni bejn id-depożitarju, l-AIFM u l-investituri.
Artikolu 21 16.
Id-depożitarju għandu jagħmel disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tiegħu, għall-awtoritajiet kompetenti tal-AIF u għall-awtoritajiet kompetenti tal-AIFM, fuq talba, kwalunkwe informazzjoni li jkun kiseb waqt it-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.

Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-AIF jew l-AIFM jkunu differenti minn dawk tad-depożitarju:

(a) 

l-awtoritajiet kompetenti tad-depożitarju għandhom jaqsmu mingħajr dewmien mal-awtoritajiet kompetenti tal-AIF u tal-AIFM kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji ta’ dawk l-awtoritajiet; u

(b) 

l-awtoritajiet kompetenti tal-AIF jew l-AIFM għandhom jikkondividu mingħajr dewmien mal-awtoritajiet kompetenti tad-depożitarju kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-eżerċizzju tas-setgħat superviżorji ta’ dawk l-awtoritajiet.

Artikolu 21 17.

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw:

(a) 

il-partikularitajiet li hemm bżonn jiġu inklużi fil-kuntratt bil-miktub kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(b) 

kriterji ġenerali biex jiġi vvalutat jekk ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali tal-pajjiżi terzi kif imsemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 6 għandhomx l-istess effett bħal-liġi tal-Unjoni u humiex infurzati effettivament;

(c) 

il-kundizzjonijiet biex jitwettqu l-funzjonijiet ta’ depożitarju skont il-paragrafi 7, 8 u 9, inklużi:

(i) 

it-tip tal-istrumenti finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta’ kustodja tad-depożitarju skont il-punt (a) tal-paragrafu 8,

▼M9

(ii) 

il-kundizzjonijiet li skonthom id-depożitarju jkun jista’ jeżerċita dmirijietu ta’ kustodja fuq strumenti finanzjarji rreġistrati ma’ depożitorju ċentrali tat-titoli; u

▼B

(iii) 

il-kundizzjonijiet skont liema d-depożitarju għandu jissalvagwardja, l-istrumenti finanzjarji maħruġa f’forma nominattiva u reġistrati ma’ emittent jew reġistrar, skont il-punt (b) tal-paragrafu 8;

(d) 

id-dmirijiet ta’ diliġenza dovuta tad-depożitarji skont il-punt (c) tal-paragrafu 11;

(e) 

l-obbligu ta’ segregazzjoni skont il-punt (d)(iii) tal-paragrafu 11;

(f) 

il-kundizzjonijiet skont liema u ċ-ċirkostanzi li taħthoml-istrumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja għandhom jitqiesu bħala mitlufa;

(g) 

x’għandu jitqies bħala avveniment estern barra mill-kontroll raġonevoli, li l-konsegwenzi tiegħu kienu jkunu inevitabbli minkejja kull sforz raġonevoli kollha għall-kuntrarju skont il-paragrafu 12;

(h) 

il-kundizzjonijiet skont liema u ċ-ċirkostanzi li taħthom ikun hemm raġuni oġġettiva għal kuntratt ta’ tħollija skont il-paragrafu 13.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 16.04.2027 00:00:00 -Doknr: CELEX:32011L0061
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.