+Artikolu 3 Definizzjonijiet
---+Artikolu 3 (1)
---+Artikolu 3 (2)
---+Artikolu 3 (3)
---+Artikolu 3 (4)
---+Artikolu 3 (5)
---+Artikolu 3 (6)
---+Artikolu 3 (7)
---+Artikolu 3 (8)
---+Artikolu 3 (9)
---+Artikolu 3 (10)
---+Artikolu 3 (11)
---+Artikolu 3 (12)
---+Artikolu 3 (13)
---+Artikolu 3 (14)
---+Artikolu 3 (15)
---+Artikolu 3 (16)
---+Artikolu 3 (17)
---+Artikolu 3 (18)
---+Artikolu 3 (19)
---+Artikolu 3 (20)
---+Artikolu 3 (21)
---+Artikolu 3 (22)
---+Artikolu 3 (23)
---+Artikolu 3 (24)
---+Artikolu 3 (25)
---+Artikolu 3 (26)

Artikolu 3 Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 3 (1)

“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

Artikolu 3 (2)

“data personali operazzjonali” tfisser id-data personali kollha pproċessata mill-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni li jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 4 jew il-Kapitolu 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE biex jintlaħqu l-objettivi u l-kompiti stipulati fl-atti legali li jistabbilixxu dawk il-korpi, uffiċċji jew aġenziji;

Artikolu 3 (3)

“ipproċessar” tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

Artikolu 3 (4)

“restrizzjoni tal-ipproċessar” tfisser l-immarkar ta’ data personali maħżuna bl-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-ġejjieni;

Artikolu 3 (5)

“tfassil tal-profili” tfisser kwalunkwe forma ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data personali li jikkonsisti fl-użu ta’ data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma’ persuna fiżika, b’mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni attwali jew il-movimenti ta’ dik il-persuna fiżika;

Artikolu 3 (6)

“psewdonimizzazzjoni” tfisser l-ipproċessar ta’ data personali b’tali mod li d-data personali ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi attribwita għal suġġett tad-data speċifiku mingħajr l-użu ta’ informazzjoni addizzjonali, dment li tali informazzjoni addizzjonali tinżamm separatament u tkun soġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix attribwita għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;

Artikolu 3 (7)

“sistema ta’ arkivjar” tfisser kwalunkwe sett strutturat ta’ data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

Artikolu 3 (8)

“kontrollur” tfisser l-istituzzjoni jew il-korp tal-Unjonijew id-direttorat ġenerali jew kwalunkwe entità organizzattiva oħra li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ tali pproċessar ikunu ddeterminati minn att speċifiku tal-Unjoni, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jiġu previsti mil-liġi tal-Unjoni;

Artikolu 3 (9)

“kontrolluri għajr istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni” tfisser kontrolluri skont it-tifsira tal-punt (7) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 u kontrolluri skont it-tifsira tal-punt (8) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2016/680;

Artikolu 3 (10)

“istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni” tfisser l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni stabbiliti mit-TUE, mit-TFUE jew mit-Trattat Euratom, jew fuq il-bażi ta’ dawn;

Artikolu 3 (11)

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika fi Stat Membru kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra t-theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni tiegħu;

Artikolu 3 (12)

“proċessur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur;

Artikolu 3 (13)

“riċevitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli tkunx parti terza jew le. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirċievu data personali fil-qafas ta’ inkjesta partikolari f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru m’għandhomx jitqiesu bħala riċevituri; l-ipproċessar ta’ dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f’konformità mar-regoli ta’ protezzjoni tad-data applikabbli skont il-finijiet tal-ipproċessar;

Artikolu 3 (14)

“parti terza” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp għajr is-suġġett tad-data, il-kontrollur, il-proċessur u l-persuni li, taħt l-awtorità diretta tal-kontrollur jew tal-proċessur, ikunu awtorizzati li jipproċessaw id-data personali;

Artikolu 3 (15)

“kunsens” tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu;

Artikolu 3 (16)

“ksur ta’ data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, żvelar mhux awtorizzat ta’, jew aċċess għal, data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b’xi mod ieħor;

Artikolu 3 (17)

“data ġenetika” tfisser id-data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi ta’ persuna fiżika li jkunu ntirtu jew inkisbu li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta’ dik il-persuna fiżika, u li tirriżulta, b’mod partikolari, minn analiżi ta’ kampjun bijoloġiku mill-persuna fiżika inkwistjoni;

Artikolu 3 (18)

“data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew tal-imġiba ta’ persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta’ dik il-persuna fiżika, bħall-immaġnijiet tal-wiċċ jew id-data dattiloskopika;

Artikolu 3 (19)

“data dwar is-saħħa” tfisser data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika, inkluża l-provvista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta’ saħħitha;

Artikolu 3 (20)

“servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser servizz kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17);

Artikolu 3 (21)

“organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni u l-korpi subordinati tagħha regolata bil-liġi internazzjonali pubblika jew kwalunkwe korp ieħor li huwa stabbilit minn ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar jew abbażi tiegħu;

Artikolu 3 (22)

“awtorità superviżorja nazzjonali” tfisser awtorità pubblika indipendenti li tkun stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew skont l-Artikolu 41 tad-Direttiva (UE) 2016/680;

Artikolu 3 (23)

“utent” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li tuża netwerk jew tagħmir terminali operat taħt il-kontroll ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni;

Artikolu 3 (24)

“direttorju” tfisser direttorju disponibbli pubblikament ta’ utenti jew direttorju intern ta’ utenti disponibbli fi ħdan istituzzjoni jew korp tal-Unjoni jew kondiviż bejn istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni, kemm jekk f’forma stampata kif ukoll jekk f’forma elettronika;

Artikolu 3 (25)

“netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” tfisser sistema ta’ trażmissjoni, kemm jekk ibbażata fuq infrastruttura permanenti jew kapaċità amministrattiva ċentralizzata jew le, u, meta applikabbli, tagħmir ta’ switching jew routing u riżorsi oħra, inklużi elementi tan-netwerk li mhumiex attivi, li jippermettu li jintbagħtu sinjali bil-wajer, bir-radju, b’mezzi ottiċi jew elettromanjetiċi oħra, inklużi netwerks satellitari, netwerks terrestri fissi (trażmessi b’ċirkwit u trażmessi b’pakkett, inkluż l-Internet) u mobbli, sistemi ta’ kejbil tal-elettriku, dment li jintużaw għall-fini ta’ sinjali ta’ trażmissjoni, netwerks użati għax-xandir bir-radju u t-televiżjoni, u netwerks tat-televiżjoni bil-kejbil, irrispettivament mit-tip ta’ informazzjoni mwassla;

Artikolu 3 (26)

“tagħmir terminali” tfisser tagħmir terminali kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE (18).

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 21.11.2018 00:00:00 -Doknr: CELEX:32018R1725
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.