1. L-ipproċessar ta’ data personali operazzjonali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma’ trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, ta’ data bijometrika bil-fini li tiġi identifikata unikament persuna fiżika, data personali operazzjonali dwar is-saħħa jew li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika għandu jiġi permess biss meta jkun strettament meħtieġ għal finijiet operazzjonali, fi ħdan il-mandat tal-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernati u soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data. Diskriminazzjoni kontra persuni fiżiċi abbażi ta’ tali data personali għandha tkun ipprojbita.