Artikolu 1
Definizzjonijiet
(1) Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:
(a) “Regolament bażiku” għandha tfisser ir-Regolament (KE) Nru 883/2004;
(b) “Regolament implimentattiv” għandha tfisser dan ir-Regolament; u
(c) għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament bażiku.
(2) Addizzjonalment għad-definizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1:
(a) “punt ta’ aċċess” għandha tfisser entità li tipprovdi:
(i) punt ta’ kuntatt elettroniku; u
(ii) għażla tar-rotot awtomatika bbażata fuq l-indirizz; u
(iii) għażla tar-rotot intelliġenti bbażata fuq softwer li jippermetti verifika u għażla tar-rotot awtomatiċi (per eżempju, applikazzjoni ta’ intelliġenza artifiċjali) u/jew intervent mill-bniedem;
(b) “korp ta’ kollegament” għandha tfisser kwalunkwe korp magħżul mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, għal fergħa waħda jew aktar tas-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, li jwieġeb għal talbiet ta’ informazzjoni u assistenza għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament bażiku u r-Regolament implimentattiv u li jrid iwettaq il-kompiti assenjati lilu taħt it-Titolu IV tar-Regolament implimentattiv;
(c) “dokument” għandha tfisser sett ta’ data, irrispettivament mill-mezz użat, strutturata b’ tali mod li tista’ tiġi skambjata b’mod elettroniku u li trid tiġi kkomunikata sabiex ikunu jistgħu jiffunzjonaw ir-Regolament bażiku u r-Regolament implimentattiv;
(d) “Dokument Elettroniku Strutturat” għandha tfisser kwalunkwe dokument strutturat f’format imfassal għall-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri;
(e) “trasmissjoni b’mezzi elettroniċi” għandha tfisser it-trasmissjoni ta’ data permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali) ta’ data u bl-użu ta’ wajers, trasmissjoni bir-radju, teknoloġiji ottiċi jew kwalunkwe mezz elettromanjetiku ieħor;
(f) “Bord ta’ Verifika” għandha tfisser il-korp imsemmi fl-Artikolu 74 tar-Regolament bażiku.