Artikolu 61
Proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 69 tar-Regolament bażiku
Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 69 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni Amministrattiva għandha tfassal lista tal-benefiċċji marbutin mal-familja addizzjonali jew speċjali għall-orfni koperti minn dak l-Artikolu. Jekk mhemmx fis-seħħ dispożizzjoni biex l-istituzzjoni kompetenti tagħti, bi dritt ta’ preċedenza, tali benefiċċji marbutin mal-familja addizzjonali jew speċjali għall-orfni taħt il-leġislazzjoni li hija tapplika, hija għandha mingħajr dewmien tibgħat kwalunkwe applikazzjoni għal benefiċċji marbutin mal-familja, flimkien mad-dokumenti u l-informazzjoni relevanti kollha, lill-istituzzjoni tal-Istat Membru li taħt il-leġislazzjoni tiegħu l-persuna kkonċernata kienet suġġetta, għall-itwal perijodu ta’ żmien u li tipprovdi tali benefiċċji marbutin mal-familja addizzjonali jew speċjali għall-orfni. F’xi każijiet, dan jista’ jfisser li ssir referenza lura, taħt l-istess kondizzjonijiet, lill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru li taħt il-leġislazzjoni tiegħu l-persuna kkonċernata wettqet l-iqsar perijodu tal-assigurazzjoni jew residenza tagħha.