+Artikolu 4 3.

Artikolu 4 3.

Il-kriterji speċifiċi li ġejjin għandhom japplikaw għal proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu f’kategoriji speċifiċi tal-infrastruttura tal-enerġija:

(a) 

għall-proġetti tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni u tal-ħżin tal-elettriku li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (1)(a), (b), (c), (d) u (f) tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà permezz tal-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grilja, it-trażmissjoni jew tad-distribuzzjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u siti ta’ ħżin ewlenin, u biex jitnaqqas it-tnaqqis tal-enerġija, fejn applikabbli, u jikkontribwixxi għal tal-inqas wieħed mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

(i) 

l-integrazzjoni tas-suq, inkluż permezz tat-tneħħija tal-iżolament tal-enerġija ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed u t-tnaqqis tal-konġestjonijiet tal-infrastruttura tal-enerġija; il-kompetizzjoni, l-interoperabbiltà u l-flessibbiltà tas-sistema;

(ii) 

is-sigurtà tal-provvista, inkluż permezz tal-interoperabbiltà, tal-flessibbiltà tas-sistema, taċ-ċibersigurtà, tal-konnessjonijiet xierqa u tal-operat sikur u affidabbli tas-sistema;

(b) 

għal proġetti tal-grilji intelliġenti tal-elettriku li jaqgħu taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (1)(e) tal-Anness II, il-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà permezz tal-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grilja, u jikkontribwixxi għal tal-inqas tnejn mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

(i) 

is-sigurtà tal-provvista, inkluż permezz tal-effiċjenza u tal-interoperabbiltà tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-operat ta’ kuljum tan-network, l-evitar tal-konġestjoni, u l-integrazzjoni u l-involviment tal-utenti tan-network;

(ii) 

l-integrazzjoni tas-suq, inkluż permezz tal-operat effiċjenti tas-sistema u l-użu tal-interkonnetturi;

(iii) 

is-sigurtà tan-network, il-flessibbiltà u l-kwalità tal-provvista, inkluż permezz ta’ użu ogħla tal-innovazzjoni fl-ibbilanċjar, fis-swieq tal-flessibbiltà, fiċ-ċibersigurtà, fil-monitoraġġ, fil-kontroll tas-sistema u fil-korrezzjoni tal-iżbalji.

(iv) 

l-integrazzjoni intelliġenti tas-settur, jew fis-sistema tal-enerġija permezz tal-kollegament ta’ vetturi tal-enerġija u setturi tal-enerġija differenti, jew b’mod usa’, billi jiffavorixxi sinerġiji u koordinazzjoni bejn is-setturi tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni;

(c) 

għall-proġetti tat-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (5) tal-Anness II, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà billi jnaqqas l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju fl-installazzjonijiet industrijali konnessi u jikkontribwixxi għall-kriterji speċifiċi kollha li ġejjin:

(i) 

l-evitar tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju filwaqt li tinżamm is-sigurtà tal-provvista;

(ii) 

iż-żieda fir-reżiljenza u s-sigurtà tat-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju;

(iii) 

l-użu effiċjenti tar-riżorsi, billi jiġu konnessi diversi sorsi u siti tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju permezz ta’ infrastruttura komuni u billi jiġu mminimizzati l-piż u r-riskji ambjentali;

(d) 

għall-proġetti tal-idroġenu li jaqgħu taħt il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fil-punt (3) tal-Anness II, il-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà, inkluż billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass serra, tissaħħaħ l-adozzjoni tal-idroġenu rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, b’enfasi fuq l-idroġenu minn sorsi rinnovabbli b’mod partikolari f’applikazzjonijiet tal-użu aħħari, bħas-setturi diffiċli sabiex jitrażżnu, li fihom mhumiex fattibbli soluzzjonijiet aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u tiġi sostnuta l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli varjabbli billi jiġu offruti soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà, ta’ ħżin, jew it-tnejn li huma, u l-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal mill-inqas wieħed mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

(i) 

l-integrazzjoni tas-suq, inkluż permezz tal-konnessjoni ta’ networks eżistenti jew emerġenti tal-idroġenu tal-Istati Membri, jew b’xi mod ieħor jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ network għall-Unjoni kollha għat-trasport u għall-ħżin tal-idroġenu, u jiżgura l-interoperabbiltà tas-sistemi konnessi;

(ii) 

is-sigurtà tal-provvista u l-flessibbiltà, inkluż permezz ta’ konnessjonijiet xierqa u l-iffaċilitar tal-operat sikur u affidabbli tas-sistema;

(iii) 

il-kompetizzjoni, inkluż billi jkun permess l-aċċess għal diversi sorsi ta’ provvista u utenti tan-network fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja;

(e) 

għall-elettrolizzaturi li jaqgħu taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (4) tal-Anness II, il-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-kriterji speċifiċi kollha li ġejjin:

(i) 

is-sostenibbiltà, inkluż permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-titjib tal-użu tal-idroġenu rinnovabbli jew b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju b’mod partikolari minn sorsi rinnovabbli, kif ukoll fjuwils sintetiċi minn dawk l-oriġini;

(ii) 

is-sigurtà tal-provvista, inkluż permezz ta’ kontribuzzjoni għall-operat sigur, effiċjenti u affidabbli tas-sistema, jew billi jiġu offruti soluzzjonijiet ta’ ħżin, ta’ flessibbiltà, jew it-tnejn li huma, bħal servizzi ta’ rispons fin-naħa tad-domanda u servizzi ta’ bbilanċjar;

(iii) 

il-faċilitazzjoni ta’ servizzi ta’ flessibbiltà bħar-rispons għad-domanda u l-ħżin permezz tal-faċilitazzjoni tal-integrazzjoni intelliġenti tas-settur tal-enerġija permezz tal-ħolqien ta’ rabtiet ma’ vetturi u setturi oħra tal-enerġija;

(f) 

għal proġetti ta’ grilji intelliġenti tal-gass li jaqgħu taħt il-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fil-punt (2) tal-Anness II, il-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għas-sostenibbiltà billi jiżgura l-integrazzjoni ta’ pluralità ta’ gassijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u partikolarment dawk rinnovabbli, inkluż fejn dawn jiġu minn sorsi lokali, bħal bijometan jew idroġenu rinnovabbli, fis-sistemi tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni jew tal-ħżin tal-gass sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, u dak il-proġett jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal mill-inqas waħda mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

(i) 

is-sigurtà tan-network u l-kwalità tal-provvista billi jittejbu l-effiċjenza u l-interoperabbiltà tas-sistemi tat-trażmissjoni, tad-distribuzzjoni jew tal-ħżin tal-gass fl-operat tan-network ta’ kuljum billi, fost l-oħrajn, jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mill-injezzjoni ta’ gassijiet ta’ diversi kwalitajiet;

(ii) 

il-funzjonament tas-suq u s-servizzi għall-klijenti;

(iii) 

l-iffaċilitar tal-integrazzjoni intelliġenti tas-settur tal-enerġija permezz tal-ħolqien ta’ rabtiet ma’ operaturi u ma’ setturi oħra tal-enerġija u l-abilitazzjoni tar-rispons tad-domanda.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 29.04.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32022R0869
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.