2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-kulleġġi ta' riżoluzzjoni, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt mal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni msemmijin fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (b), u wara li jkunu kkonsultaw lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati li huma membri tal-kulleġġ tas-superviżuri jew jipparteċipaw fih kif imsemmi fl-Artikolu 248(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, ifasslu u jżommu pjanijiet ta' riżoluzzjoni ta' gruppi. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp jistgħu, fid-diskrezzjoni tagħhom, u bil-kundizzjoni li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikolu 80 ta' din id-Direttiva, jinvolvu fit-tfassil u fil-manutenzjoni tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni ta' gruppi lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ta' pajjiżi terzi tal-ġuriżdizzjonijiet fejn il-grupp ikun stabbilixxa impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jew kumpaniji holding tal-assigurazzjoni, jew fergħat sinifikattivi kif definit skont l-Artikolu 248(8) tad-Direttiva 2009/138/KE.