1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji jippubblikaw fuq is-sit web uffiċjali tagħhom tal-anqas kwalunkwe penali amministrattiva u kwalunkwe miżura amministrattiva oħra li jkunu ġew imposti minn dawk l-awtoritajiet għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva meta tali penali amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħrajn ma kinux is-suġġett ta' appell jew fejn id-dritt ta' appell ikun ġie eżawrit. Tali pubblikazzjoni għandha ssir mingħajr dewmien żejjed wara li l-persuna fiżika jew ġuridika tiġi informata b'dik il-penali amministrattiva jew b'miżura amministrattiva oħra. Il-pubblikazzjoni għandu jkun fiha informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika li fuqha tkun imposta l-penali amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra.
Meta l-Istati Membri jippermettu l-pubblikazzjoni ta' penali amministrattivi u ta' miżuri amministrattivi oħrajn li dwarhom ikun hemm appell, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandhom, mingħajr dewmien mhux dovut, jippubblikaw fuq is-siti web uffiċjali tagħhom, informazzjoni dwar l-istatus ta' dak l-appell u l-eżitu tiegħu.