|
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw fis-sit web uffiċjali tagħhom kwalunkwe deċiżjoni li timponi penali amministrattiva jew miżura oħra għal ksur ta’ dan ir-Regolament mingħajr dewmien żejjed wara li l-persuna ppenalizzata tkun mgħarrfa b’dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha mill-inqas tinkludi tagħrif dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità ta’ persuna fiżika jew ġuridika li l-penali tkun ġiet imposta fuqha. Meta d-deċiżjoni li tiġi imposta penali jew miżura oħra tkun soġġetta għal appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew oħra rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien bla bżonn, jippubblikaw ukoll fuq is-siti web uffiċjali tagħhom tagħrif dwar l-istatus tal-appell u l-eżitu tiegħu. Barra minn dan, għandha tiġi ppubblikata wkoll kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti li tiġi imposta penali jew miżura. Fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni ġuridiċi jew tad-data personali tal-persuni fiżiċi titqies bħala sproporzjonata mill-awtorità kompetenti b’segwitu għall-valutazzjoni ta’ kull każ individwali mwettqa fir-rigward tal-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dik id-data, jew fejn il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li tkun għaddejja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu waħda minn dawn li ġejjin:
(a)
jipposponu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-penali jew miżura oħra sal-mument meta r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ma jibqgħux jeżistu; jew
(b)
jippubblikaw id-deċiżjoni li tiġi imposta l-penali jew miżura oħra fuq bażi anonima b’mod li jkun konformi mal-liġi nazzjonali, jekk tali pubblikazzjoni anonima tkun tiżgura protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata; jew
(c)
ma jippubblikawx id-deċiżjoni li tiġi imposta penali jew miżura oħra f’każ li l-għażliet mogħtija fil-punti (a) u (b) hawn fuq jitqiesu li huma insuffiċjenti biex jiżguraw:
(i)
li ma tiġix mhedda l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;
(ii)
il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ miżuri meqjusa bħala ta’ natura minuri.
Fil-każ ta’ deċiżjoni li tiġi ppubblikata penali jew miżura oħra fuq bażi anonima, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista’ tiġi posposta għal perijodu raġonevoli jekk jiġi previst li f’dak il-perijodu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jkunux ser jibqgħu jeżistu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-ESMA b’kull penali amministrattiva imposta iżda mhux ippubblikata f’konformità mal-punt (c) tat-tielet subparagrafu inkluż kwalunkwe appell b’rabta magħha u l-eżitu ta’ dan. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu informazzjoni u s-sentenza finali b’rabta ma’ kwalunkwe piena kriminali imposta u jippreżentawha lill-ESMA. L-ESMA għandha żżomm bażi ta’ data ċentrali ta’ penali ikkomunikati lilha għall-finijiet biss tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Dik il-bażi ta’ data għandha tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti biss u għandha tiġi aġġornata abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti.
|