|
+Artikolu 14b 1. |
Artikolu 14b 1.Meta jistabbilixxu u japplikaw il-politiki tar-remunerazzjoni u prassi msemmija fl-Artikolu 14a, il-kumpaniji tal-maniġment għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin b’mod u sal-punt li jkun adattat għad-daqs tagħhom, l-organizzazzjoni interna u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom:
(a)
il-politika ta’ remunerazzjoni tkun konsistenti ma’ u tippromwovi ġestjoni tajba u effettiva tar-riskju u ma tinkoraġġix teħid ta’ riskji li mhuwiex konsistenti mal-profili tar-riskju, mar-regoli jew mal-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-UCITS li l-kumpanija tal-maniġment timmaniġġa;
(b)
il-politika ta’ remunerazzjoni tkun konformi mal-istrateġija kummerċjali, mal-objettivi, mal-valuri u mal-interessi tal-kumpanija tal-maniġment u tal-UCITS li hija timmaniġġa u tal-investituri ta’ dawn l-UCITS, u tinkludi miżuri biex jiġu evitati l-konflitti ta’ interess;
(c)
il-politika ta’ remunerazzjoni tkun adottata mill-korp tal-maniġment tal-kumpanija tal-maniġment fil-funzjoni superviżorja tiegħu, u dak il-korp jadotta, u mill-inqas kull sena jirrivedi l-prinċipji ġenerali tal-politika ta’ remunerazzjoni u jkun responsabbli għal, u jissorvelja l-implimentazzjoni tagħhom; il-kompiti msemmija f’dan il-punt għandhom jitwettqu biss minn membri ta’ dak il-korp tal-maniġment li ma għandhom l-ebda funzjoni eżekuttiva fil-kumpanija tal-maniġment konċernata u li għandhom kompetenza fil-ġestjoni tar-riskju u remunerazzjoni;
(d)
l-implimentazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni tiġi, mill-inqas kull sena, soġġetta għal reviżjoni interna ċentrali u indipendenti għall-konformità tagħha mal-politiki u l-proċeduri ta’ remunerazzjoni adottati mill-korp tal-maniġment fil-funzjoni superviżorja tiegħu;
(e)
persunal li huwa involut fil-funzjonijiet ta’ kontroll għandu jiġi kumpensat skont il-kisba tal-għanijiet relatati mal-funzjonijiet tiegħu, b’mod indipendenti mill-prestazzjoni tal-oqsma tan-negozju li jikkontrolla;
(f)
ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali superjuri b’funzjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ konformità tar-riskju tiġi ssorveljata b’mod dirett mill-kumitat ta’ remunerazzjoni, fejn ikun jeżisti tali kumitat;
(g)
fejn ir-remunerazzjoni tkun marbuta mal-prestazzjoni, l-ammont totali ta’ remunerazzjoni jkun ibbażat fuq taħlita tal-valutazzjoni fir-rigward tal-prestazzjoni tal-individwu u tal-unità tan-negozju jew tal-UCITS ikkonċernata u fir-rigward tar-riskji tagħhom u tar-riżultati kumplessivi tal-kumpanija tal-maniġment meta tiġi vvalutata l-prestazzjoni individwali, b’kont meħud ta’ kriterji finanzjarji u dawk mhux finanzjarji;
(h)
il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tkun stabbilita f’qafas pluriennali adatt għall-perijodu ta’ holding irrakkomandat lill-investituri tal-UCITS immaniġġat mill-kumpanija tal-maniġment sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-valutazzjoni ikun ibbażat fuq prestazzjoni aktar fit-tul tal-UCITS u r-riskji ta’ investiment tagħha u li l-ħlas reali tal-komponenti tar-remunerazzjoni bbażati fuq il-prestazzjoni jkun mifrux fuq l-istess perijodu;
(i)
remunerazzjoni varjabbli ggarantita tkun eċċezzjonali, sseħħ biss fil-kuntest ta’ reklutaġġ ta’ persunal ġdid u tkun limitata għall-ewwel sena tal-ingaġġ;
(j)
il-komponenti fissi u varjabbli tar-remunerazzjoni totali għandhom ikunu bbilanċjati b’mod xieraq u l-komponent fiss għandu jirrappreżenta proporzjon għoli biżżejjed tar-remunerazzjoni totali sabiex jippermetti l-operat ta’ politika kompletament flessibbli dwar komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni, inkluża l-possibbiltà li ma jitħallas ebda komponent varjabbli tar-remunerazzjoni;
(k)
ħlasijiet marbuta mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt jirriflettu l-prestazzjoni li tkun inkisbet tul iż-żmien, u huma mfassla b’tali mod li ma jippremjawx il-fallimenti;
(l)
il-kejl tal-prestazzjoni użat biex jiġu kkalkolati l-komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni jew raggruppamenti ta’ komponenti varjabbli tar-remunerazzjoni jinkludi mekkaniżmu ta’ aġġustament komprensiv li jintegra t-tipi rilevanti kollha ta’ riskji attwali u futuri;
(m)
soġġett għall-istruttura ġuridika tal-UCITS u għar-regoli tal-fond jew għall-istrumenti ta' inkorporazzjoni tagħha, porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ mill-inqas 50 %, ta' kwalunkwe komponent varjabbli ta' remunerazzjoni jikkonsisti f'unitajiet tal-UCITS ikkonċernata, jew f'interessi ta' sjieda ekwivalenti, jew fi strumenti marbuta mal-ishma jew fi strumenti ekwivalenti mhux ta' flus b'inċentivi ugwalment effettivi bħal kwalunkwe wieħed mill-istrumenti msemmija f'dan il-punt, sakemm il-ġestjoni ta' kontijiet tal-UCITS ma tkoprix għal inqas minn 50 % tal-portafoll totali ġestit mill-kumpanija tal-maniġment, f'liema każ il-livell minimu ta' 50 % ma japplikax. L-istrumenti msemmija f’dan il-punt għandhom ikunu soġġetti għal politika adatta ta’ konteniment maħsuba biex l-inċentivi jiġu allinjati mal-interessi tal-kumpanija tal-maniġment u tal-UCITS li timmaniġġa, kif ukoll ma’ tal-investituri f’dawn l-UCITS. L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jagħmlu restrizzjonijiet fuq it-tipi u d-disinji ta’ dawk l-istrumenti, jew jipprojbixxu ċerti strumenti kif xieraq. Dan il-punt għandu japplika kemm għall-porzjon tal-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni li ġie differit skont il-punt (n) kif ukoll għall-parti tal-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni li ma ġietx differita;
(n)
porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ mill-inqas 40 %, tal-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni, jiġi differit fuq perijodu li huwa xieraq fid-dawl tal-perijodu ta’ holding irrakkomandat lill-investituri tal-UCITS ikkonċernata u jiġi allinjat b’mod korrett man-natura tar-riskji tal-UCITS inkwistjoni. Il-perijodu msemmi f’dan il-punt għandu jkun mill-inqas ta’ tliet snin; ir-remunerazzjoni pagabbli taħt arranġamenti ta’ differiment ma għandhiex tvesti b’rata aktar mgħaġġla minn bażi prorata; fil-każ ta’ komponent varjabbli tar-remunerazzjoni ta’ ammont partikolarment għoli, għandu jiġi differit mill-inqas 60 % tal-ammont;
(o)
ir-remunerazzjoni varjabbli, inkluża l-parti differita, għandha titħallas jew tvesti biss jekk tkun sostenibbli skont is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija tal-maniġment kollha, u ġġustifikata skont il-prestazzjoni tal-unità tan-negozju, l-UCITS u l-individwu kkonċernat. Ir-remunerazzjoni varjabbli totali ġeneralment għandha titnaqqas b’mod konsiderevoli meta jkun hemm prestazzjoni finanzjarja baxxa jew negattiva tal-kumpanija tal-maniġment jew tal-UCITS ikkonċernata, filwaqt li għandhom jitqiesu kemm il-kumpens attwali kif ukoll it-tnaqqis fil-ħlasijiet ta’ ammonti miksuba qabel, inkluż permezz ta’ arranġamenti malus jew arranġamenti ta’ restituzzjoni;
(p)
il-politika tal-pensjonijiet għandha tkun konformi mal-istrateġija kummerċjali, mal-objettivi, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-kumpanija tal-maniġment u tal-UCITS li timmaniġġa. Jekk l-impjegat jitlaq mill-kumpanija tal-maniġment qabel l-irtirar, il-benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni għandhom jinżammu mill-kumpanija tal-maniġment għal perijodu ta’ ħames snin fil-forma tal-istrumenti msemmija fil-punt (m). Fil-każ ta’ impjegat li jasal għall-pensjoni, il-benefiċċji diskrezzjonarji tal-pensjoni għandhom jitħallsu lill-impjegat fil-forma tal-istrumenti msemmija fil-punt (m), soġġetti għal perijodu ta’ żamma ta’ ħames snin;
(q)
il-persunal huwa meħtieġa jimpenja ruħu li ma jużax strateġiji personali ta’ hedging jew assigurazzjoni relatata mar-remunerazzjoni u r-responsabbiltà sabiex inaqqas l-effetti tal-allinjament tar-riskju integrati fl-arranġamenti tar-remunerazzjoni tiegħu;
(r)
ir-remunerazzjoni varjabbli ma għandhiex titħallas permezz ta’ vetturi jew metodi li jagħmluha faċli li r-rekwiżiti stipulati f’ din id-Direttiva jiġu evitati. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|