Artikolu 31
Kull Stat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija ta’ investiment għandu jfassal regoli prudenzjali li għandhom jiġu osservati f’kull ħin minn kumpaniji ta’ investiment li ma ħatrux kumpanija tal-maniġment awtorizzata skont din id-Direttiva.
B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija ta’ investiment, waqt li jieħdu kont ukoll tan-natura tal-kumpanija ta’ investiment, għandhom jeħtieġu li l-kumpanija jkollha proċeduri tajbin ta’ maniġment u kontabbiltà, arranġamenti ta’ kontroll u salvagwardja għall-ipproċessar ta’ data elettronika u mekkaniżmi adegwati interni ta’ kontroll inklużi, b’mod partikolari, regoli għal operazzjonijiet personali mill-impjegati tagħha jew għall-holding jew l- immaniġġjar ta’ investimenti fi strumenti finanzjarji sabiex tinvesti l-kapital inizjali tagħha u tiżgura, talanqas, li kull operazzjoni li tinvolvi l-kumpanija tista’ tiġi rikostrutta skont l-oriġini tagħha, il-partijiet għaliha, in-natura tagħha, u l-ħin u l-post li fihom saret u li l-assi tal-kumpanija ta’ investiment huma investiti skont l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni u d-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ.