L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-UCITS prinċipali tipprovdi lill-UCITS alimentatriċi bid-dokumenti u l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tilħaq ir-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva. Għal dan l-għan, l-UCITS alimentatriċi għandha tiffirma ftehim mal-UCITS prinċipali.
L-UCITS alimentatriċi ma għandhiex tinvesti aktar mil-limitu applikabbli skont l-Artikolu 55(1) f’unitajiet ta’ dik il-UCITS prinċipali sakemm il-ftehim imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma jkunx daħal fis-seħħ. Dak il-ftehim għandu jkun disponibbli, fuq talba u mingħajr ħlas, għat-titolari kollha tal-unitajiet.
Fil-każ li l-UCITS alimentatriċi u dik prinċipali jkunu mmaniġjati mill-istess kumpanija tal-maniġment, il-ftehim jista’ jkun sostitwit permezz ta’ regoli interni dwar it-tmexxija tan-negozju li jiżguraw konformità mar-rekwiżiti stipulati f’dan il-paragrafu.