8. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, il-Bord Superviżorju għandu jwettaq ħidma preparatorja rigward il-kompiti superviżorji kkonferiti lill-BĊE u jipproponi lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE abbozzi ta’ deċiżjonijiet kompleti li għandhom jiġu adottati minn dan tal-aħħar, skont proċedura li trid tiġi stabbilita mill-BĊE. L-abbozz ta’ deċiżjonijiet ser jiġi trasmess fl-istess ħin lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati. Abbozz ta’ deċiżjoni għandu jitqies bħala adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax f’perijodu li għandu jiġu ddefinit mill-proċedura msemmija hawn fuq iżda li tkunx aktar minn perijodu massimu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol. Madankollu, jekk Stat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhijiex l-euro ma jaqbilx ma’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-Bord Superviżorju, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(8). F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, il-perijodu msemmi hawn fuq ma għandux ikun ta’ aktar minn 48 siegħa. Jekk il-Kunsill Governattiv joġġezzjona għal abbozz ta’ deċiżjoni, huwa għandu jagħti r-raġunijiet għal dan bil-miktub, b’mod partikolari billi jiddikjara l-interessi tal-politika monetarja. Jekk deċiżjoni tinbidel wara oġġezzjoni mill-Kunsill Governattiv, Stat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhijiex l-euro jista’ jinnotifika lill-BĊE bin-nuqqas ta’ qbil raġonat tiegħu dwar l-oġġezzjoni u għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(7).