+Artikolu 4 Definizzjonijiet
---+Artikolu 4 1.
---+Artikolu 4 2.

Artikolu 4 Definizzjonijiet

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 4 1.

Għall-finijiet ta ‘din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:

(1) 

“ditta tal-investiment” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika li x-xogħol jew in-negozju regolari tagħha huwa l-forniment ta’ servizz ta’ investiment wieħed jew aktar lil partijiet terzi u/jew it-twettiq ta’ attività ta’ investiment waħda jew aktar fuq bażi professjonali.

L-Istati Membri jistgħu jinkludu l-impriżi li mhumiex persuna ġuridika, jekk:

(a) 

l-istatus ġuridiku tagħhom jiżgura livell ta’ protezzjoni għall-interessi ta’ partijiet terzi ekwivalenti għal dak li jista’ jingħata minn persuni ġuridiċi, u

(b) 

huma soġġetti għal superviżjoni prudenzjali ekwivalenti xierqa għall-forma ġuridika tagħhom.

Madankollu, meta persuna fiżika tipprovdi servizzi li jinvolvu ż-żamma ta’ fondi jew titoli trasferibbli ta’ partijiet terzi, dik il-persuna tista’ titqies bħala ditta tal-investimenti għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 biss jekk, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti l-oħra imposti f’din id-Direttiva, fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 u fid-Direttiva 2013/36/UE, dik il-persuna tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

id-drittijiet ta’ sjieda tal-partijiet terzi fi strumenti u fondi jridu jiġu salvagwardjati, partikolarment f’każ ta’ insolvenza tad-ditta jew tal-proprjetarji tagħha, teħid, tpaċija jew kwalunkwe azzjoni oħra mill-kredituri tad-ditta jew tas-sidien tagħha;

(b) 

id-ditta trid tkun soġġetta għal regoli mfassla sabiex jimmonitorjaw is-solvenza tad-ditta u dik tas-sidien tagħha;

(c) 

il-kontijiet annwali tad-ditta jridu jiġi vverifikati minn persuna waħda jew aktar li għandha s-setgħa, skont il-liġi nazzjonali, jivverifikaw il-kontijiet;

(d) 

fejn id-ditta għandha sid wieħed biss, dik il-persuna għandha tipprovdi għall-protezzjoni tal-investituri f’każ ta’ ċessjoni tan-negozju tad-ditta wara l-mewt jew l-inkapaċità tas-sid, jew kwalukwe avveniment simili;

(2) 

“servizzi u attivitajiet ta’ investiment” tfisser kull wieħed jew waħda mis-servizzi u l-attivitajiet elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I li għandhom x’jaqsmu ma’ kull wieħed mill-istrumenti elenkati fit-Taqsima Ċ tal-Anness I.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 89, b’miżuri li jispeċifikaw:

(a) 

Il-kuntratti tad-derivati msemmija fit-Taqsima C.6 tal-Anness I li jkollhom il-karatteristiċi ta’ that have the characteristics of prodotti ta’ enerġija bl-ingrossa li jridu jiġu saldati b’mod fiżiku u l-kuntratti tad-derivati tal-enerġija C.6;

(b) 

il-kuntratti tad-derivati msemmija fit-Taqsima C.7 tal-Anness I li jkollhom il-karatteristiċi ta’ strumenti finanzjarji oħra derivattivi;

(c) 

il-kuntratti tad-derivati msemmija fi-Taqsima C.10 tal-Anness I li jkollhom il-karatteristiċi ta’ strumenti finanzjarji oħra derivati, filwaqt li tqis, fost ħwejjeġ oħra, jekk jiġu nnegozjati f’suq irregolat, MTF jew OTF;

(3) 

“servizzi anċillari” tfisser kull wieħed mis-servizzi elenkati fit-Taqsima B tal-Anness I;

(4) 

“parir dwar l-investiment” tfisser il-provvediment ta’ rakkommandazzjonijiet personali lill-klijent, jew fuq it-talba tiegħu jew fuq l-inizjattiva tad-ditta ta’ investiment, rigward tranżazzjoni jew iktar li jkollhom x’jaqsmu mal-istrumenti finanzjarji;

(5) 

“eżekuzzjoni tal-ordnijiet f’isem il-klijenti” tfisser ħidma sabiex jiġu konklużi ftehimijiet għax-xiri jew għall-bejgħ ta’ strument finanzjarju jew iktar f’isem klijenti u jinkludi l-konklużjoni ta’ ftehimiet sabiex jinbiegħu strumenti finanzjarji maħruġa minn ditta ta’ investiment jew istituzzjoni ta’ kreditu hekk kif jinħarġu;

▼C4

(6) 

“negozjar akkont proprju” tfisser in-negozjar fuq il-kapital proprjetarju li jirriżulta fil-konklużjoni tat-tranżazzjonijiet fi strument finanzjarju jew iktar;

▼B

(7) 

“ġeneratur tas-suq” tfisser persuna li żżomm lilha nfisha fis-swieq finanzjarji fuq bażi kontinwa bħala persuna li lesta tinnegozja f’isimha stess billi tixtri u tbiegħ strumenti finanzjarji fuq il-kapital proprjetarju ta’ dik il-persuna bi prezzijiet iddefiniti minn dik il-persuna;

(8) 

“ġestjoni tal-portafoll” tfisser l-immaniġġjar tal-portafolli skont il-mandati mogħtija mill-klijenti fuq bażi diskrezzjonali, klijent klijent, meta dawn il-portafolli jkunu jinkludu strument finanzjarju wieħed jew iktar;

▼M8

(8a) 

“il-bdil ta’ strumenti finanzjarji’” tfisser il-bejgħ ta’ strument finanzjarju u x-xiri ta’ strument finanzjarju ieħor jew l-eżerċitar ta’ dritt li jsir tibdil fir-rigward ta’ strument finanzjarju eżistenti;

▼B

(9) 

“klijent” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li lilha ditta ta’ investiment tipprovdilha servizzi ta’ investiment jew servizzi anċillari;

(10) 

“klijent professjonali” tfisser klijent li jissodisfa l-kriterji stabiliti fl-Anness II;

(11) 

“klijent mhux professjonali” tfisser klijent li ma jaqax taħt id-definizzjoni ta’ klijent professjonali;

▼M13

(12) 

“suq tal-SMEs li qed jespandi” tfisser MTF, jew segment ta’ MTF, li hija rreġistrata bħala suq tal-SMEs li qed jespandi f’konformità mal-Artikolu 33;

▼B

(13) 

“intrapriżi żgħir u medji” għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, tfisser kumpaniji li kellhom medja ta’ kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ inqas minn EUR 200 000 000 fuq il-bażi ta’ kwoti ta’ tmiem is-sena għat-tliet snin kalendarji preċedenti;

(14) 

“ordni tal-limitu” tfisser ordni sabiex jinxtara jew jinbigħ strument finanzjarju fil-limitu speċifikat tal-prezz tiegħu jew aħjar jew għal daqs speċifikat;

▼M9

(15) 

“strument finanzjarju” tfisser dawk l-istrumenti speċifikati fit-Taqsima C tal-Anness I, inklużi tali strumenti maħruġa permezz tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit;

▼B

(16) 

“kuntratti tad-derivati tal-enerġija C.6” tfisser opzjonijiet, futuri, swaps, u kull kuntratt ieħor tad-derivati msemmi fit-Taqsima C.6 tal-Anness I li jirrigwardaw il-faħam u ż-żejt li jiġi nnegozjat f’OTF u jrid jiġi saldat b’mod fiżiku;

(17) 

“strumenti tas-suq tal-flus” tfisser dawk il-klassijiet ta’ strumenti li jiġu normalment ikkummerċjati fis-suq tal-flus, bħalma huma l-kambjali tat-teżor, iċ-ċertifikati tad-depożitu u studji kummerċjali u strumenti li jeskludu l-ħlas;

(18) 

“operatur tas-suq” tfisser persuna jew persuni li jimmaniġjaw u/jew joperaw in-negozju ta’ suq regolat u jista’ jkun is-suq regolat stess;

▼M12

(19) 

“sistema multilaterali” tfisser sistema multilaterali kif iddefinita fl-Artikolu 2(1), il-punt (11), tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(20) 

“internalizzatur sistematiku” tfisser ditta tal-investiment li, fuq bażi organizzata, frekwenti u sistematika, tinnegozja f’isimha fi strumenti ta’ ekwità billi teżegwixxi l-ordnijiet tal-klijenti barra suq regolat, MTF jew OTF, mingħajr ma topera sistema multilaterali, jew li tidħol fi status ta’ internalizzatur sistematiku;

▼B

(21) 

“suq regolat” tfisser sistema multilaterali operata u/jew immaniġjata minn operatur tas-suq, li tgħaqqad flimkien jew tiffaċilita l-proċess sabiex jingħaqdu flimkien l-interessi ta’ bejgħ u xiri ta’ partijiet terzi fl-istrumenti finanzjarji – fis-sistema u skont ir-regoli nondiskrezzjonarji tagħha – b’mod li jirriżulta f’kuntratt, fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar taħt ir-regoli u/jew is-sistemi tagħha, u li hija awtorizzata u taħdem b’mod regolari u skont it-Titolu III ta’ din id-Direttiva;

(22) 

“faċilità multilaterali tan-negozjar” (multilateral trading facility) jew “MTF” tfisser sistema multilaterali, operata minn ditta tal-investimenti jew operatur tas-suq, li tgħaqqad flimkien interessi multipli ta’ xiri u bejgħ ta’ partijiet terzi fl-istrumenti finanzjarji – fis-sistema u skont ir-regoli nondiskrezzjonarji – b’mod li jirriżulta f’kuntratt skont it-Titolu II ta’ din id-Direttiva;

(23) 

“faċilità organizzata tan-negozjar” (organised trading facility) jew “OTF” tfisser sistema multilaterali, li mhijiex suq regolat jew MTF u li fiha interessi multipli ta’ xiri u bejħ ta’ partijiet terzi f’bonds, prodotti finanzjarji strutturati, kwoti ta’ emissjonijiet jew derivati jistgħu jinteraġixxu fis-sistema b’mod li jirriżulta f’kuntratt skont it-Titolu II ta’ din id-Direttiva;

(24) 

“ċentru ta’ negozjar” tfisser suq regolat, MTF jew OTF;

(25) 

“suq likwidu” tfisser suq għal strument finanzjarju jew klassi ta’ strumenti finanzjarji, fejn ikun hemm xerrejja u bejjiegħa lesti u disponibbli fuq bażi kontinwa, ivvalutat f’konformita’ mal-kriterji li ġejjin, b’kont meħud tal-istrutturi speċifiċi tas-suq tal-istrument finanzjarju partikolari jew tal-klassi partikolari ta’ strumenti finanzjarji:

(a) 

il-frekwenza u d-daqs medji tat-tranżazzjonijiet fuq firxa ta’ kondizzjonijiet tas-suq, filwaqt li jiġu kkunsidrati n-natura u ċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti fil-klassi ta’ strument finanzjarji;

(b) 

l-għadd u t-tip ta’ parteċipanti fis-suq, inkluż il-proporzjon ta’ parteċipanti fis-suq għall-istrumenti nnegozjati fi prodott partikolari;

(c) 

id-daqs medju tal-firxiet, fejn disponibbli;

(26) 

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità nnominata minn kull wieħed mill-Istati Membri skont l-Artikolu 67, għajr jekk ikun speċifikat xort’oħra f’din id-Direttiva;

(27) 

“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif imfissra fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(28) 

“kumpanija tal-ġestjoni tal-UCITS” tfisser kumpanija tal-ġestjoni kif iddefinita fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

(29) 

“aġent marbut” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li, taħt ir-responsabbiltà sħiħa u inkondizzjonata ta’ ditta waħda biss ta’ investiment li f’isimha tkun qed taġixxi, tippromwovi servizzi ta’ investiment u/jew servizzi sekondarji lill-klijenti u lill-klijenti prospettivi, tirċievi u tittrażmetti struzzjonijiet jew ordnijiet mill-klijent rigward is-servizzi ta’ investiment jew l-istrumenti finanzjarji, tqiegħed l-istrumenti finanzjarji jew tipprovdi pariri lill-klijenti jew lill-klijenti prospettivi rigward dawn l-istrumenti u s-servizzi finanzjarji;

(30) 

“fergħa” tfisser post tal-kummerċ għajr l-uffiċċju prinċipali li jagħmel parti minn ditta ta’ investiment, li ma għandux personalità legali u li jipprovdi servizzi u/jew attivitajiet ta’ investiment u li jista’ wkoll iwettaq servizzi sekondarji li għalihom tkun ġiet awtorizzata d-ditta ta’ investiment; il-postijiet kollha tal-kummerċ li ditta ta’ investiment li jkollha l-kwartieri ġenerali fi Stat Membru ieħor tistabbilixxi fl-istess Stat Membru għandhom jitqiesu bħala fergħa waħda;

(31) 

“parteċipazzjoni kwalifikattiva” tfisser parteċipazzjoni diretta jew indiretta f’ditta ta’ investiment li tirrappreżenta 10 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot, kif stabbilit fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ), filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet rigward l-aggregazzjoni tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 12(4) u (5) ta’ dik id-Direttiva, jew li tagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq il-ġestjoni tad-ditta ta’ investiment li fiha jkun hemm din il-parteċipazzjoni;

(32) 

“intrapriża prinċipali” tfisser intrapriża prinċipali fit-tifsira tal-Artikoli 2(9) u 22 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 );

(33) 

“sussidjarja” tfisser intrapriża sussidjarja kif definita fl-Artikoli 2(10) u 22 tad-Direttiva 2013/34/UE, inkluż kwalunkwe sussidjarja ta’ intrapriża sussidjarja ta’ intrapriża prinċipali li hi l-kap ta’ tali intrapriżi;

(34) 

“grupp” tfisser grupp kif definit fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva 2013/34/UE;

(35) 

“rabtiet mill-qrib” tfisser sitwazzjoni li fiha żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew iktar ikunu marbuta permezz ta’:

(a) 

“parteċipazzjoni” fil-forma ta’ sjieda, diretta jew permezz tal-kontroll, ta’ 20 % jew iktar tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital ta’ impriża;

(b) 

“kontroll” li tfisser ir-relazzjoni bejn impriża prinċipali u sussidjarja, fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikolu 22(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE, jew relazzjoni simili bejn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika u impriża, fejn kull impriża sussidjarja ta’ impriża sussidjarja tiġi meqjusa wkoll li tkun sussidjarja tal-impriża prinċipali li tkun il-kap ta’ dawk l-intrapriżi;

(c) 

rabta permanenti tat-tnejn li huma jew tagħhom kollha mal-istess persuna permezz ta’ relazzjoni ta’ kontroll;

▼M6

(36) 

“korp maniġerjali” tfisser il-korp jew il-korpi ta’ ditta tal-investiment, operatur tas-suq, jew fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ data kif definit fil-punt (36a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, li jinħatru f’konformità mal-liġi nazzjonali, li jingħataw is-setgħa li jistabbilixxu l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tal-entità, u li jissorveljaw u jimmonitorjaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ ġestjoni u jinkludu persuni li effettivament imexxu n-negozju tal-entità.

Fejn din id-Direttiva tirreferi għall-korp maniġerjali u, skont il-liġi nazzjonali, il-funzjonijiet ta’ ġestjoni u superviżorji tal-korp maniġerjali jkunu assenjati lil korpi differenti jew membri differenti fi ħdan korp wieħed, l-Istat Membru għandu jidentifika l-korpi jew il-membri tal-korp maniġerjali responsabbli f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor minn din id-Direttiva;

(37) 

“maniġment superjuri” tfisser persuni fiżiċi li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi f’ditta tal-investiment, operatur tas-suq, jew fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ data kif definit fil-punt (36a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, u li jkunu responsabbli u jwieġbu lill-korp maniġerjali għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-entità, inkluż għall-implimentazzjoni tal-politiki dwar id-distribuzzjoni ta’ servizzi u prodotti lil klijenti mid-ditta u l-persunal tagħha;

▼B

(38) 

“negozjar matched principal” tfisser tranżazzjoni fejn il-faċilitatur jinterponi lilhu nnifsu bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ għat-tranżazzjoni b’tali mod li qatt ma tkun esposta għal riskju tas-suq waqt l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni, biż-żewġ naħat eżegwiti simultanjament, u fejn i t-tranżazzjoni tiġi konkluża bi prezz fejn il-faċilitatur ma jagħmel l-ebda profitt jew telf, għajr kummissjoni, tariffa jew ħlas żvelati preċedentement għat-tranżazzjoni;

(39) 

“negozjar algoritmiku” tfisser kummerċ bi strumenti finanzjarji fejn algoritmu ta’ kompjuter jiddetermina b’mod awtomatiku parametri ta’ ordnijiet bħal jekk għandhiex tinbeda l-ordni, iż-żmien, prezz jew kwantità tal-ordni jew kif timmaniġġa l-ordni wara s-sottomissjoni tagħha, bi ftit jew mingħajr intervent uman u ma tinkludi l-ebda sistema li tintuża biss biex tidderieġi l-ordnijiet f’ċentru jew ċentri tan-negozjar jew għall-ipproċessar tal-ordnijiet li ma jinvolvu ebda determinazzjoni ta’ parametri ta’ kummerċ jew konferma tal-ordnijiet jew l-ipproċessar wara l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet imwettqa;

(40) 

“teknika ta’ negozjar algoritmiku bi frekwenza għolja” tfisser teknika ta’ negozjar algoritmiku kkaratterizzata minn:

(a) 

infrastruttura maħsuba biex jiġu minimizzati latenzi ta’ netwerk u tipi oħra ta’ latenzi, inklużi mill-anqas waħda mill-faċilitajiet li ġejjin għad-dħul ta’ ordni algoritmiku: kolokazzjoni, proximity hosting jew aċċess elettroniku dirett b’veloċità għolja;

(b) 

determinazzjoni ta’ sistema ta’ bidu, ġenerazzjoni, direzzjoni jew eżekuzzjoni ta’ ordni mingħajr intervent mill-bniedem għal negozji jew ordnijiet individwali; u

(c) 

rati għolja ta’ messaġġi fl-istess jum li jikkostitwixxu ordnijiet, kwoti jew kanċellazzjonijiet;

(41) 

“aċċess elettroniku dirett” tfisser arranġement fejn membru jew parteċipant jew klijent ta’ ċentru tan-negozjar jippermetti li persuna tuża l-kodiċi kummerċjali tiegħu biex dik il-persuna tkun tista’ tittrażmetti elettronikament ordnijiet marbuta ma’ strument finanzjarju direttament liċ-ċentru tan-negozjar u tinkludi arranġamenti li jinvolvu l-użu minn persuna tal-infrastruttura tal-membru jew tal-parteċipant jew il-klijent, jew kwalunkwe sistema ta’ konnessjoni pprovduta mill-membru jew parteċipant jew il-klijent, biex jittrasmetti l-ordnijiet (aċċess dirett għas-suq) kif ukoll arranġamenti fejn tali infrastruttura ma tintużax minn persuna (aċċess sponsorjat);

(42) 

“prattika ta’ bejgħ inkroċat” tfisser li jiġi offrut servizz ta’ investiment flimkien ma servizz jew prodott ieħor bħala parti minn pakkett jew bħala kondizzjoni għall-istess ftehim jew pakkett;

►C1  (43) 

“depożitu strutturat” tfisser depożitu kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ◄  ( 7 ) li huwa ripagabbli kollu kemm hu fil-maturità f’termini li taħthom kwalunkwe interess jew primjum ser jitħallas jew qiegħed f’riskju skont formula li tinvolvi fatturi bħal:

(a) 

indiċi jew kombinazzjoni ta’ indiċijiet, bl-esklużjoni ta’ depożiti ta’ rata varjabbli li r-redditu tagħhom huwa marbut direttament ma’ indiċi ta’ rati ta’ interess bħall-Euribor jew il-Libor;

(b) 

strument finanzjarju jew kombinazzjoni ta’ strumenti finanzjarji;

(c) 

komodità jew kombinament ta’ komoditajiet jew assi fiżiċi jew nonfiżiċi mhux funġibbli oħrajn; jew

(d) 

rata tal-kambju barranija jew kombinazzjoni ta’ rati tal-kambju barranin;

(44) 

“titoli trasferibbli” tfisser dawk il-klassijiet ta’ titoli li huma negozjabbli fis-suq kapitali, bl-eċċezzjoni tal-istrumenti ta’ ħlas, bħal:

(a) 

ishma f’kumpaniji u titoli oħra ekwivalenti għal ishma f’kumpaniji, sħubijiet jew entitajiet oħra, u l-irċevuti ta’ depożiti fir-rigward ta’ ishma;

(b) 

bonds jew forom oħra ta’ dejn titolizzat, inklużi l-irċevuti ta’ depożiti fir-rigward ta’ tali titoli;

(c) 

kull titolu ieħor li jagħti d-dritt għax-xiri jew bejgħ ta’ kwalunkwe tali titolu trasferibbli jew li jwassal għal saldu fi flus determinat minn referenza għal titoli trasferibbli, muniti, rati tal-imgħax jew renditi, komoditajiet jew indiċi jew miżuri oħra;

▼M8

(44a) 

“klawżola make-whole” tfisser klawżola li għandha l-għan li tipproteġi lill-investitur billi tiżgura li, fil-każ ta’ tifdija bikrija ta’ bond, l-emittent ikun meħtieġ iħallas lill-investitur li jkollu l-bond ammont ugwali għas-somma tal-valur nett attwali tal-pagamenti tal-kupun li jifdal mistennija sal-maturità u l-ammont prinċipali tal-bond li għandu jinfeda;

▼B

(45) 

“irċevuti tad-depożiti” tfisser dawk it-titoli li huma negozjabbli fis-suq kapitali u li jirrappreżentaw sjieda tat-titoli ta’ emittent mhux domiċiljat filwaqt li jkunu jistgħu jiġu ammessi għal negozjar f’suq regolat u negozjati indipendentement mit-titoli tal-emittent mhux domiċiljat;

(46) 

“fond negozjat fil-borża” tfisser fond li għall-anqas unità waħda jew klassi ta’ ishma minnu tkun innegozjata matul il-jum għall-anqas f’ċentru tan-negozjar wieħed u b’mill-anqas ġeneratur wieħed tas-suq li jieħu azzjoni biex jiġi żgurat li l-prezz tal-unitajiet jew l-ishma tiegħu fiċ-ċentru tan-negozjar ma jvarjax b’mod sinifikanti mill-valur nett tal-assi tiegħu u, fejn applikabbli, mill-valur nett indikattiv tal-assi tiegħu;

(47) 

“ċertifikati” tfisser ċertifikati kif definit fl-Artikolu 2(1)(27) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(48) 

“prodotti strutturati ta’ finanzjar” tfisser prodotti strutturati ta’ finanzjar kif definit fl-Artikolu 2(1)(28) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(49) 

“derivati” tfisser derivati kif definit fl-Artikolu 2(1)(29) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(50) 

“derivati ta’ komoditajiet” tfisser derivati ta’ komoditajiet kif definit fl-Artikolu 2 (1)(30) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(51) 

“CCP” tfisser CCP kif definit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

▼M6 —————

▼B

(55) 

“Stat Membru tad-domiċilju” tfisser:

(a) 

fil-każ tad-ditti tal-investiment:

(i) 

jekk id-ditta tal-investiment hija persuna fiżika, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;

(ii) 

jekk id-ditta tal-investiment hija persuna ġuridika, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju reġistrat tagħha;

(iii) 

jekk id-ditta tal-investiment ma jkollha l-ebda uffiċċju rreġistrat skont il-liġi nazzjonali tagħha, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tagħha;

(b) 

fil-każ ta’ suq regolat, l-Istat Membru li fih ikun irreġistrat is-suq regolat jew, jekk skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru ma jkollha l-ebda uffiċċju reġistrat, l-Istat Membru fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tas-suq regolat;

▼M6 —————

▼B

(56) 

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru, għajr l-Istat Membru tad-domiċilju, li fih ditta tal-investiment ikollha fergħa jew tipprovdi servizzi u/jew attivitajiet ta’ investiment, jew l-Istat Membru li fih suq regolat jipprovdi l-arranġamenti xierqa sabiex jiffaċilita l-aċċess mill-bogħod għan-negozjar fuq is-sistema tiegħu minn membri jew parteċipanti stabbiliti f’dak l-istess Stat Membru;

(57) 

“ditta ta’ pajjiż terz” tfisser ditta li tkun istituzzjoni ta’ kreditu li tipporvdi servizzi ta’ investiment jew li twettaq attivitajiet ta’ investiment jew ditta tal-investiment jekk l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat tagħha jkunu fl-Unjoni.

(58) 

“prodott tal-enerġija fil-livell tal-operaturi” tfisser prodotti tal-enerġija fil-livell tal-operaturi kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011;

▼M8

(59) 

“derivattivi ta’ komoditajiet agrikoli” tfisser kuntratti ta’ derivattivi marbuta mal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-Anness I, Parti I sa XX u XXIV/1 għalih ( 8 ), kif ukoll mal-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 );

▼B

(60) 

“emittent sovran” tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin li joħroġ strumenti ta’ dejn:

(i) 

l-Unjoni;

(ii) 

Stat Membru, inkluż dipartiment tal-gvern, aġenzija jew vettura bi skop speċjali tal-Istat Membru;

(iii) 

fil-każ ta’ Stat Membru federali, il-membri tal-federazzjoni;

(iv) 

vettura bi skop speċjali għal diversi Stati Membri;

(v) 

istituzzjoni finanzjarja internazzjonali stabbilita minn żewġ Stati Membri jew aktar li jkollha l-fini li timmobilizza l-iffinanzjar u tagħti assistenza finanzjarja għall-benefiċċju tal-membri tagħha li jkunu għaddejjin jew mhedda minn problemi finanzjarji severi; jew

(vi) 

il-Bank Ewropew tal-Investiment;

(61) 

“dejn sovran” tfisser strument ta’ dejn maħruġ minn emittent sovran;

(62) 

“mezz durabbli” tfisser kwalunkwe strument li:

(a) 

jippermetti lil klijent li jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dak il-klijent b’mod li jkun aċċessibbli għal referenza futura u għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni; u

(b) 

jippermetti r-riproduzzjoni bla tibdil tal-informazzjoni maħżuna;

▼M8

(62a) 

“format elettroniku” tfisser kwalunkwe mezz durabbli ieħor għajr b’mod stampat;

▼M6 —————

▼M1

(64) 

“depożitorju ċentrali tat-titoli” jew “CSD” tfisser depożitorju ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

▼M8

(65) 

“grupp predominantement kummerċjali” tfisser kwalunkwe grupp li n-negozju ewlieni tiegħu jkun il-provvediment ta’ servizzi ta’ investiment fis-sens ta’ din id-Direttiva, jew it-twettiq ta’ kwalunkwe attività elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2013/36/UE, jew li jaġixxi bħala ġeneratur tas-suq għad-derivattivi tal-komoditajiet.

▼B

Artikolu 4 2.
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 89 biex tispeċifika xi elementi tekniċi tad-definizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, biex taġġustahom skont l-iżviluppi tas-swieq, l-iżviluppi teknoloġiċi u l-esperjenza ta’ mġieba projbita taħt ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 06.06.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014L0065
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.