Artikolu 22
1. Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew aktar għas-settur postali li jkunu ġuridikament separati mill-operaturi postali u joperaw b’mod indipendenti minnhom. L-Istati Membri li jżommu l-pussess jew il-kontroll ta’ fornituri ta’ servizz postali għandhom jiżguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjonijiet regolatorji minn attivitajiet assoċjati mal-pussess jew il-kontroll.
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jkunu nnominaw biex iwettqu l-kompiti li jirriżultaw minn din id-Direttiva. Huma għandhom jippubblikaw il-kompiti li ser jitwettqu mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali f’forma faċilment aċċessibbli, b’mod partikolari fejn dawk il-kompiti huma assenjati lil aktar minn korp wieħed. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fejn xieraq, konsultazzjoni u kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet u l-awtoritajiet nazzjonali fdati bl-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-liġi għall-protezzjoni tal-konsumatur dwar materji ta’ interess komuni.
2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom bħala kompitu partikolari li jiżguraw konformità ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva, b’mod partikolari billi jistabbilixxu proċeduri ta’ monitoraġġ u regolatorji biex jiżguraw il-forniment ta’ servizz universali. Jistgħu wkoll jiġu fdati li jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur postali.
L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkollaboraw mill-qrib u għandhom joffru assistenza reċiproka sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ħdan il-korpi eżistenti xierqa.
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi effikaċi fil-livell nazzjonali li permezz tagħhom kwalunkwe utent jew fornitur ta’ servizz postali li jkun affetwat minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta’ l-appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Sakemm jinqata’ dak l-appell, id-deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tibqa’ valida sakemm il-bord ta’ l-appell ma jiddeċidix mod ieħor.
▼M3