Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi reġistru integrat dwar ir-rilaxx u t-trasferiment ta' inkwinanti fuq livell Komunitarju (minn hawn 'il quddiem “il-PRTR Ewropew”) taħt forma ta' database eletroniku li huwa aċċessibbli mill-pubbliku u li jistabbilixxi regoli għall-funzjoni tiegħu, sabiex issir implementazzjoni tal-Protokoll UN-ECE dwar Reġistri għar-Rilaxx u Trasferiment ta' inkwinanti (minn hawn 'il quddiem “il-Protokoll”) u sabiex jiffaċilita parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċizjonijiet dwar l-ambjent, kif ukoll sabiex jikkontribwixxi għal prevenzjoni u t-tnaqqis ta' tniġġis ta' l-ambjent.