Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabilixxi strument ta’ finanzjament, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Programm Marco Polo II”, jew “il-Programm”, biex titnaqqas il-konġestjoni u biex titjieb il-prestazzjoni ambjentali tas-sistema tat-trasport u jitjieb it-trasport intermodali, u b'hekk isir kontribut għal sistema ta' trasport effiċjenti u sostenibbli li tipprovdi valur miżjud ta' l-UE mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Il-perjodu ta’ żmien tal-Programm għandu jkun mill-1 ta’ Jannar 2007 sa l-31 ta’ Diċembru 2013 sabiex tinkiseb, fl-aħħar tal-Programm, ċaqlieqa fit-traffiku li tkun parti sostanzjali miż-żjieda aggregata annwali mistennija fit-traffiku internazzjonali tal-merkanzija bit-triq, imkejjel f'kilometri-tunnellata, għat-tbaħħir fil-qosor, għat-trasport bil-ferrovija u bil-passaġġi ta’ l-ilma interni jew għal kombinazzjoni ta’ mezzi ta’ trasport fejn vjaġġi bit-triq huma qosra kemm jista’ jkun.