+ANNESS IV

ANNESS IV




ANNESS IV

EŻEMPJI TA' MIŻURI TA' PREVENZJONI TA' L-ISKART IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 29

Miżuri li jistgħu jaffettwaw il-kondizzjonijiet ta' qafas relatati mal-ġenerazzjoni ta’ l-iskart

1. L-użu ta’ miżuri ta’ ppjanar, jew strumenti ekonomiċi oħrajn li jippromwovu l-użu effiċenti tar-riżorsi.

2. Il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-kisba ta’ prodotti u teknoloġiji aktar nodfa u li jaħlu inqas u t-tixrid u l-użu tar-riżultati ta’ tali riċerka u żvilupp.

3. L-iżvilupp ta’ indikaturi effettivi u sinifikanti tal-pressjonijiet ambjentali assoċjati mal-ġenerazzjoni ta’ l-iskart immirati li jikkontribwixxu fil-prevenzjoni tal-ġenerazzjoni ta' l-iskart fil-livelli kollha, mit-tqabbil tal-prodotti fil-livell Komunitarju permezz ta' azzjoni meħuda mill-awtoritajiet lokali sa miżuri nazzjonali.

Miżuri li jistgħu jaffettwaw il-fażi ta’ tfassil u produzzjoni u distribuzzjoni

4. Il-promozzjoni ta’ tfassil ekoloġiku (l-integrazzjoni sistematika ta’ l-aspetti ambjentali fid-disinn tal-prodott bil-għan li jittejjeb ir-rendiment ambjentali tal-prodott matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu kollu).

5. L-għoti ta’ tagħrif dwar teknika għall-prevenzjoni ta’ l-iskart bil-għan li tkun faċilitata l-implimentazzjoni ta’ l-aħjar teknika disponibbli mill-industrija.

6. L-organizzazzjoni ta’ taħriġ ta’ l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ l-inklużjoni ta’ ħtiġiet dwar il-prevenzjoni ta’ l-iskart fil-permessi skond din id-Direttiva u d-Direttiva 96/61/KE.

7. L-inklużjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni tal-produzzjoni ta’ l-iskart f’impjanti mhux koperti mid-Direttiva 96/61/KE. Fejn ikun xieraq, tali miżuri jistgħu jinkludu valutazzjonijiet jew pjanijiet dwar il-prevenzjoni ta’ l-iskart.

8. L-użu ta’ kampanji ta’ għarfien jew l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju, fit-teħid tad-deċiżjonijiet jew appoġġ ieħor lin-negozji. Tali miżuri x'aktarx ikunu partikolarment effettivi meta jkunu mmirati lejn, u adattati għal, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u joperaw permezz ta’ networks stabbiliti ta' negozji.

9. L-użu ta’ ftehim volontarju, għaqdiet ta’ produtturi/konsumaturi jew negozjati settorali sabiex in-negozji jew is-setturi industrijali rilevanti jistabbilixxu huma stess il-pjanijiet jew l-objettivi tagħhom għall-prevenzjoni ta’ l-iskart jew jikkoreġu prodotti jew ippakkjar li jaħlu.

10. Il-promozzjoni ta’ sistemi rakkomandabbli għall-immaniġġar ambjentali, inklużi l-EMAS u l-ISO 14001.

Miżuri li jistgħu jaffettwaw il-fażi ta’ konsum u użu

11. Strumenti ekonomiċi bħal inċentivi għal xiri “nadif” jew l-istituzzjoni ta’ ħlas obbligatorju mill-konsumaturi għal oġġett speċifiku jew element ta’ ppakkjar speċifiku li kieku kien jingħata b’xejn.

12. L-użu ta’ kampanji ta' sensibilizzazzjoni u l-għoti ta’ tagħrif immirati lejn il-pubbliku ġenerali jew grupp speċifiku ta’ konsumaturi.

13. Il-promozzjoni ta’ eko-tikketti rakkomandabbli.

14. Ftehim ma’ l-industrija, bħall-użu ta’ gruppi ta' studju dwar prodotti, bħal dawk li qed jintużaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Integrata dwar il-Prodotti jew mal-bejjiegħa bl-imnut dwar id-disponibbiltà ta’ tagħrif dwar il-prevenzjoni ta’ l-iskart u l-prodotti b’anqas impatt ambjentali.

15. Fil-kuntest ta’ xiri pubbliku u korporattiv, l-integrazzjoni ta’ kriterji ambjentali u tal-prevenzjoni ta’ l-iskart f’sejħiet għal offerti u kuntratti, skond il-Manwal dwar ix-xiri pubbliku ambjentali ppubblikat mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Ottubru 2004.

16. l-promozzjoni ta’ l-użu mill-ġdid/jew it-tiswija ta’ prodotti xierqa skartati jew tal-komponenti tagħhom, notevolment permezz ta' l-użu ta' miżuri edukattivi, ekonomiċi, loġistiċi jew miżuri oħra bħall-appoġġ għal jew l-istabbiliment ta' ċentri u networks akkreditati ta' tiswija u ta' użu mill-ġdid speċjalment f'reġjuni b'densità ta' popolazzjoni għolja.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 16.10.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32008L0098
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.