Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li tistabbilixxi standards ta' kwalità għall-PFAS Totali fl-ilmijiet tal-wiċċ fir-rieżami li jmiss tal-Anness I ta' din id-Direttiva li għandu jitwettaq f'konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/60/KE u jkollha l-għan li tikkomplementa l-gwida dwar il-monitoraġġ tal-PFAS Totali fl-ilma tajjeb għax-xorb, żviluppata f'konformità mal-Artikolu 13(7) tad-Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
11
), biex tagħmilha applikabbli għall-monitoraġġ tal-PFAS Totali fl-ilmijiet tal-wiċċ. L-Istati Membri huma mħeġġa japplikaw diġà dik il-gwida biex jimmonitorjaw il-PFAS Totali fl-ilmijiet tal-wiċċ u jirrapportaw id-data f'konformità mal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2000/60/KE. Meta tqis it-tossiċità, il-persistenza u l-prevalenza tal-aċidu trifluworoaċetiku (TFA) fl-ambjent, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-istabbiliment ta' standard ta' kwalità għat-TFA separatament fl-Anness I ta' din id-Direttiva fir-rieżami li jmiss.