|
+Artikolu 2 |
Artikolu 2Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:
1)
“liċenzja operattiva” tfisser awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji lil xi impriża, li jippermettilha li tipprovdi servizzi ta' l-ajru kif indikat fil-liċenzja operattiva;
2)
“awtorità kompetenti tal-liċenzji” tfisser awtorità ta' Stat Membru, intitolata li tagħti, tirrifjuta, tirrevoka jew tissospendi liċenzja operattiva skond il-Kapitolu II;
3)
“impriża” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, kemm jekk topera għall-qligħ kif ukoll jekk le, jew kull korp uffiċjali kemm jekk ikollu personalità ġuridika kif ukoll jekk ma jkollux;
4)
“servizz ta' l-ajru” tfisser titjira jew serje ta' titjiriet li jġorru passiġġieri, tagħbija u/jew posta bi ħlas u/jew b'kiri;
5)
“titjira” tfisser tluq minn ajruport speċifikat lejn ajruport speċifiku tad-destinazzjoni;
6)
“titjira lokali” tfisser titjira li ma tinvolvix ġarr ta' passiġġieri, posta u/jew merkanzija bejn ajruporti differenti jew punti ta' nżul awtorizzati oħrajn;
7)
“ajruport” tfisser kwalunkwe żona fi Stat Membru li tkun speċjalment adattata għal servizzi ta' l-ajru;
8)
“ċertifikat ta' operatur ta' l-ajru (ĊOA)” tfisser ċertifikat mogħti lil impriża li jikkonferma li l-operatur għandu l-abbiltà professjonali u organizzattiva biex jiżgura s-sikurezza ta' operazzjonijiet speċifikati fiċ-ċertifikat, kif previst fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja jew tal-liġi nazzjonali, skond kif applikabli;
9)
“kontroll effettiv” tfisser relazzjoni kostitwita permezz ta' jeddijiet, kuntratti jew kull mezz ieħor li, jew separatament jew konġuntament u b'kont meħud tal-konsiderazzjonijiet ta' fatt jew liġi involuta, jagħtu l-possibbiltà li direttament jew indirettament tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq xi impriża, b'mod partikolari permezz ta':
(a)
id-dritt li jintużaw l-assi kollha jew parti minnhom ta' impriża;
(b)
jeddijiet jew kuntratti li jagħtu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-korpi ta' xi impriża jew b'xi mod ieħor jinfluwenzaw b'mod deċiżiv it-tmexxija ta' l-operat kummerċjali ta' l-impriża.
10)
“trasportatur ta' l-ajru” tfisser impriża b'liċenzja operattiva valida jew l-ekwivalenti;
11)
“trasportatur ta' l-ajru Komunitarju” tfisser trasportatur ta' l-ajru li jkollu liċenzja operattiva valida maħruġa minn awtorità kompetenti tal-liċenzji skond il-Kapitolu II;
12)
“pjan azjendali” tfisser kull deskrizzjoni dettaljata ta' l-attivitajiet kummerċjali maħsuba mit-trasportatur ta' l-ajru għall-perijodu in kwistjoni, b'mod partikolari għar-rigward ta' l-iżvilupp tas-suq mistenni u l-investimenti li għandhom isiru, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi ta' dawn l-attivitajiet;
13)
“servizz bl-ajru intra-Komunitarju” tfisser servizz bl-ajru operat fi ħdan il-Komunità;
14)
“dritt tat-traffiku” tfisser id-dritt ta' operazzjoni ta' servizz ta' l-ajru bejn żewġ ajruporti Komunitarji;
15)
“bejgħ ta' postijiet biss” tfisser il-bejgħ ta' postijiet, mingħajr xi servizz ieħor marbut miegħu, bħal ma hi l-akkomodazzjoni, direttament lill-pubbliku mit-trasportatur ta' l-ajru jew mill-aġent awtorizzat tiegħu jew minn charterer;
16)
“servizz bl-ajru skedat” tfisser serje ta' titjiriet li kull waħda minnhom ikollha l-karatteristiċi kollha li ġejjin:
(a)
f'kull titjira l-postijiet u/jew il-kapaċita’ ta' trasport ta' merkanzija u/jew posta jkunu disponibbli għal bejgħ individwalment lill-membri tal-pubbliku (kemm jekk direttament mit-trasportatur ta' l-ajru kif ukoll jekk mill-aġenti awtorizzati tiegħu);
(b)
tkun operata biex isservi t-traffiku bejn l-istess żewġ ajruporti jew aktar:
—
skond skeda pubblikata; jew
—
b'titjiriet li jkunu tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu serje rikonoxxibbilment sistematika.
17)
“kapaċita” tfisser in-numru ta' postijiet jew il-payload offruti lill-pubbliku in ġenerali fuq servizz ta' l-ajru skedat matul perijodu partikolari;
18)
“nollijiet ta' l-ajru” tfisser il-prezzijiet espressi f'euro jew f'muniti lokali li jkollhom jitħallsu lit-trasportaturi ta' l-ajru jew lill-aġenti tagħhom jew lil bejjiegħa oħra tal-biljetti għat-trasport ta' passiġġieri fuq servizzi ta' l-ajru u kwalunkwe kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra;
19)
“rati ta' l-ajru” tfisser il-prezzijiet espressi f'euro jew f'muniti lokali li jkollhom jitħallsu għat-trasport ta' merkanzija u l-kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra;
20)
“Stati Membri konċernati” tfisser l-Istati Membri li bejnhom, jew l-Istat Membru li fih, ikun operat servizz ta' l-ajru;
21)
“Stati Membri involuti” tfisser l-Istati Membrui konċernati u l-Istati Membri li fihom it-trasportaturi ta' l-ajru li joperaw is-servizz ta' l-ajru jkunu liċenzjati;
22)
“konurbazzjoni” tfisser żona urbana magħmula minn għadd ta' bliet li, minħabba l-iżvilupp u l-espansjoni tal-popolazzjonijiet tagħhom, ingħaqdu fiżikament sabiex jifformaw żona mibnija kontinwa;
23)
“kont amministrattiv” tfisser kull dikjarazzjoni dettaljata ta' dħul u nfiq ta' trasportatur ta' l-ajru għall-perijodu inkwistjoni inkluż rendikont dettaljat bejn attivitajiet li jkunu relatati ma' trasport bl-ajru u attivitajiet oħra kif ukoll bejn elementi pekunjarji u mhux pekunjarji;
24)
“ftehim tal-kiri mingħajr ekwipaġġ” tfisser ftehim bejn impriżi li permezz tiegħu l-inġenju ta' l-ajru jiġi operat taħt iċ-ĊOA tal-kerrej;
25)
“ftehim tal-kiri bl-ekwipaġġ” tfisser ftehim bejn trasportaturi ta' l-ajru li permezz tiegħu l-inġenju ta' l-ajru jiġi operat taħt iċ-ĊOA tal-lokatur;
26)
“post prinċipali tan-negozju” tfisser l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju fl-Istat Membru li fih jiġu eżerċitat l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv, inkluża l-ġestjoni kontinwa ta' airworthiness, tat-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|