Stat Membru jista’ jirrifjuta, jillimita jew jimponi kondizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku biex jitratta problemi li jinqalgħu għall-għarrieda, għal perijodu ta' żmien qasir, li jirriżultaw minn ċirkostanzi li ma jistgħux jitbassru u li ma jistgħux jiġu evitati. Azzjoni bħal din għandha tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza u għandha tiġi bbażata fuq kriterji oġġettivi u non-diskriminatorji.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu infurmati mingħajr dewmien b'dik l-azzjoni flimkien mal-ġustifikazzjoni adegwata tagħha. Jekk il-problemi li jkunu jeħtieġu dik l-azzjoni jkomplu jeżistu għal aktar minn erbatax-il jum, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan u jista’, bil-ftehim tal-Kummissjoni, jtawwal l-azzjoni għal aktar perijodi ta' mhux aktar minn erbatax-il jum.