Artikolu 33
Emendament tad-Direttiva 2001/80/KE
Fid-Direttiva 2001/80/KE, għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 9a
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li operaturi tal-impjanti tal-kombustjoni kollha b’kapaċità stmata ta’ produzzjoni elettrika ta’ 300 megawatt jew aktar li għalihom il-liċenzja oriġinali ta’ kostruzzjoni jew, fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ dan it-tip, il-liċenzja oriġinali biex joperaw tingħata wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju] () , ikunu vvalutaw jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin humiex sodisfatti:
— is-siti għall-ħżin adegwati jkunu disponibbli;
— il-faċilitajiet tat-trasport ikunu teknikament u ekonomikament fattibbli;
— ikun teknikament u ekonomikament fattibbli li jsir tagħmir ġdid wara għall-ġbir tas-CO2.
2. Jekk il-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jitħalla spazju adatt fuq is-sit tal-istallazzjoni għat-tagħmir meħtieġ għall-ġbir u l-kompressjoni tas-CO2. L-awtorità kompetenti għandha tiddetermina jekk il-kondizzjonijiet humiex sodisfatti abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u tagħrif ieħor disponibbli, partikolarment rigward il-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.