|
Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew japprova korp ta’ kumpens responsabbli biex jipprovdi kumpens lill-partijiet li jkunu sofrew ħsara fil-każi imsemmija fl-Artikolu 20(1). Dawk il-partijiet li kunu sofrew ħsara jistgħu jippreżentaw talba lill-korp ta’ kumpens fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom:
(a)
jekk, fi żmien tliet xhur mid-data meta l-parti li tkun sofriet ħsara tkun ippreżentat it-talba tagħha għal kumpens lil impriża ta’ assigurazzjoni tal-vettura li l-użu tagħha jkun ikkawża l-inċident jew lir-rappreżentant għall-pretensjonijiet, l-impriża ta’ assigurazzjoni jew ir-rappreżentant għall-pretensjonijiet tagħha ma jkunux ipprovdew tweġiba raġunata għal punti magħmula fit-talba; jew
(b)
jekk l-impriża ta’ assigurazzjoni tkun naqset milli taħtar rappreżentant għall-pretensjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza tal-parti li tkun sofriet ħsara skont l-Artikolu 20(1). F’dan il-każ, il-partijiet li jkunu sofrew ħsara ma jkunux jistgħu jippreżentaw talba lill-korp ta’ kumpens jekk huma jkunu ppreżentaw talba għal kumpens direttament lill-impriża ta’ assigurazzjoni tal-vettura li l-użu tagħha jkun ikkawża l-inċident u jekk ikunu rċevew tweġiba raġunata fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni tat-talba.
Il-partijiet li jsofru d-danni ma jistgħux madanakollu jippreżentaw talba lill-korp ta’ kumpens jekk huma jkunu ħadu azzjoni legali direttament kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni. Il-korp ta’ kumpens għandu jieħu azzjoni fi żmien xahrejn mid-data meta l-parti li tkun sofriet ħsara tippreżenta talba għal kumpens lilu imma għandu jwaqqaf l-intervent tiegħu jekk l-impriża ta’ assigurazzjoni, jew ir-rappreżentant tagħha għat-talba tagħha, sussegwentament jagħti tweġiba raġunata għat-talba. Il-korp ta’ kumpens għandu minnufih jinforma:
(a)
lill-impriża ta’ assigurazzjoni tal-vettura li l-użu tagħha kkawża l-inċident jew lir-rappreżentant għall-pretensjonijiet;
(b)
lill-korp ta’ kumpens fl-Istat Membru tal-istabbiliment tal-impriża ta’ assigurazzjoni li tkun ħarġet il-polza;
(c)
jekk magħrufa, il-persuna li tkun ikkaġunat l-inċident;
li jkunu irċevew talba mill-parti li tkun sofriet ħsara u li ser jagħti tweġiba fi żmien xahrejn mill-preżentazzjonita’ din it-talba. Din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jittrattaw il-kumpens minn dan il-korp bħala sussidjarju jew mhux sussidjarju u d-dritt li jipprovdu għall-pagament ta’ pretensjonijiet bejn dak il-korp u l-persuna jew persuni li kkawżaw l-inċident u l-impriżi ta’ assigurazzjoni jew korpi tas-sigurtà soċjali oħrajn meħtieġa li jikkumpensaw lill-parti li tkun sofriet ħsara fir-rigward tal-istess inċident. Madanakollu, l-Istati Membri ma jistgħux jippermettu li l-korp jagħmel il-ħlas ta’ kumpens suġġett għal xi kundizzjonijiet barra minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva, b’mod partikolari l-istabbiliment mill-parti li tkun sofriet ħsara b’tali mod li l-persuna responsabbli ma tkunx tista’ jew tirrifjuta li tħallas.
|